
Gianna Beretta Molla twieldet fl-4 ta’ Ottubru 1922, f’Magenta, l-Italja. Kienet l-għaxar wild f’familja ta’ 13-il tifel u tifla. Il-familja tagħha kienu Kattoliki. Irċeviet l-edukazzjoni kemm mid-dar kif ukoll l-iskola u kienet tipprattika l-isports popolari tal-lokal, l-iskijjar u titla’ mal-muntanji.
Meta kellha għoxrin sena, bdiet l-istudji tagħha fil-mediċina fl-Università. Aktar tard, fis-sena 1949, hi gradwat mill-Università ta’ Pavia, kemm fil-mediċina u anke fil-kirurġija. Kien għalhekk li fis-sena 1950, hi fetħet klinika f’raħal twelidha – Magenta. Baqgħet tistudja u speċjalizzat fil-pedjatrija mill-Università ta’ Milan, biex tkun tista’ tagħti attenzjoni speċjali lill-ommijiet u lit-trabi.
Kien hemm żmien meta Gianna kkunsidrat li tingħaqad ma’ ħuha, li kien qassis il-Brażil. Imma rrealizzat li l-missjoni tagħha kienet fil-mediċina f’pajjiżha. Saret membru tas-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul, u ddedikat is-servizz appostoliku tagħha lill-Azzjoni Kattolika (moviment lajk li hu mpenjat li jxerred it-Tagħlim Nisrani).
Meta kellha 32 sena, iltaqgħet mal-inġinier Pietro Molla, iżżewġu fl-1955 bil-ħsieb li jħaddnu ż-żwieġ u l-bini ta’ familja Kattolika soda bħala vokazzjoni. Bejn l-1956 u 1959, huma kellhom tlett itfal: Pierluigi, Maria Zita u Laura. Imbagħad, fl-1961 saret taf li ser ikollhom r-raba’ tarbija.
Kmieni fit-tqala tagħha, indunaw li kellha tumur. Hi eskludiet kull għażla oħra – inkluż l-abort, li seta’ jsalva ħajjitha iżda mhux dik tat-tarbija. Għażlet li tipprova tneħħi t-tumur u ssalva lit-tarbija. L-operazzjoni kienet ta’ suċċess u t-tqala kompliet għalkemm mhux mingħajr kumplikazzjonijiet. Gianna kompliet b’ħajjitha u bl-impenji tagħha sakemm twieldet it-tarbija, tifla, u semmietha Gianna Emanuela.
Madankollu, wara t-twelid tat-tarbija, Gianna żviluppatilha marda, peritonite settika, infezzjoni li tinfirex fid-demm. Hi mietet fit-28 ta’ April, 1962, ġimgħa wara li welldet.
Bintha, Gianna Emanuela, kibret u saret tabiba hi stess. Fl-2004, hija kienet preżenti għall-kanonizzazzjoni ta’ ommha, flimkien ma’ missierha Pietro Molla u l-familja tagħhom.
Santa Gianna Beretta Molla ġiet kanonizzata minħabba l-eroiżmu tagħha, hekk kif kienet lesta tmut għat-tarbija tagħha; matul il-prova diffiċli li għaddiet minnha, hija insistiet: ‘Jekk ikollkom tiddeċiedu bejni u bejn it-tarbija, toqogħdux lura – agħżlu lit-tarbija’.
