Memorja għal dejjem

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba għal qabel it-Tqarbin

Tiftakar meta għamilt l-Ewwel Tqarbina? Kemm ilu? Liema kien l-iktar mument importanti għalik matul dik il-ġurnata speċjali? X’ħassejt meta mxejt lejn l-artal u rċevejt lil Ġesù għall-ewwel darba fil-qalb tiegħek? Dan is-sagrament nibqgħu nirċevuh kull meta nieħdu sehem fil-quddiesa. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, ntellgħu l-offerti, l-ilma u l-inbid lis-saċerdot flimkien ma’ dak kollu li għandna u ftit wara fil-konsagrazzjoni dan jibdilhom fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Dak il-ħin nerġgħu niftakru x’għamel Ġesù għalina: tana ġismu u demmu.

  • Fittex ritratt tiegħek tal-Ewwel Tqarbina u qatta ftit minuti fis-skiet ħares lejh.
  • Fuq karta żgħira ikteb dak li ħassejt fil-mument li inti u Ġesù ltqajtu għall-ewwel darba fil-qalb tiegħek. Imagħad itwi l-karta u ibqa’ aħseb fuq dak li ħassejt.
  • Mill-karta jew l-kartonċina l-bajda aqta’ forma ta’ ċirku biex tifforma l-Ewkaristija, u mis-safra aqta’ l-forma tal-kalċi. Waħħalhom flimkien. Fuq il-parti ta’ fuq tal-kalċi waħħal il-karta mitwija fejn ktibt dak li ħassejt u offrieha lil Ġesù.
  • Qatta’ ftit ħin itlob fis-skiet, quddiem Ġesù Ewkaristija (anke b’mod virtwali), jew quddiem xbieha tal-kurċifiss jew xi ikona, jew f’rokna/post li jfakkrek f’xi avveniment mill-ħajja ta’ Ġesù.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.