Illum inkomplu nisimgħu l-qari mis-sitt kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann. Il-ġimgħa l-oħra smajna lil Ġesu jgħid lill-folla, “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. Illum nerġgħu nisimgħuh jirrepeti, “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.” Aspett wieħed tal-ħobż, huwa li jmantnina. Huwa ikel bażiku fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani, fl-Ewropa, l-Awstralja u fl-Asja Ċentrali. Ġesù qiegħed juri lilu nnifsu bħala “ikel bażiku”, in-nutriment aħħari għall-umanità kollha. Ovvjament fiżikament, ikollna bżonn ikel ieħor biex ngħixu, iżda huwa Ġesù li hu r-raġuni ewlenija u s-sosteniment tal-ħajja tagħna. Ġesù jirreferi wkoll għall-ġrajja tal-Eżodu. Bl-istess mod li Alla ta l-manna lill-poplu tiegħu meta kien fid-deżert, biex isostnih, issa Alla jagħtina manna ġdid li tagħtina l-ħajja ta’ dejjem.
In-nies ma setgħux jifhmu dak li kien qiegħed jgħid Ġesù. Kif seta’ ġismu stess ikun il-ħobż. Bi tweġiba lil dawk li kienu qegħdin jargumentaw dwar it-tifsira ta’ kliemu, Ġesù jgħallem b’enfasi akbar li min jiekol Ġismu u jixrob Demmu, isalva. Wieħed seta’ biss jifhem dak li ried jgħid Ġesù, wara il-mewt u qawmien tiegħu. Permezz tal-kliem ta’ Ġesù, li nisimgħu llum fl-Evanġelju, nitgħallmu dwar il-ħajja li jrid jagħtina, li jrid jagħti lil kull wieħed u waħda minna. Ħafna kienu li ma emmnux jew ma aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesù, sabu dan il-kliem tqil wisq biex jifmuh. Anke llum, għadna nsibu lil min isibha diffiċli jaċċetta t-tagħlim ta’ Ġesù. Minkejja kollox, dan huwa tagħlim important ħafna, u jekk naċċettawh, jagħti raġuni lill-ħajja tagħna, għax jirrivela l-konnessjoni intima li għandna ma Ġesù.
Ġesù jagħtina lilu nnifsu wkoll fl-Ewkaristija. Insibu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu fil-ħobż u l-inbid. Meta nitqarbnu, Ġesù nnifsu jiġi jgħammar ġewwa fina. Din il-komunjoni mal-Mulej, tagħmilna ġisem wieħed. It-tqarbin iwassalna għall-ħajja ta’ dejjem u jagħtina l-qawwa biex nagħmlu atti ta’ mħabba mhux biss mal-familja tagħna, iżda mal-umanità kollha. Dak kollu li nagħmlu għall-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu tagħna, ikun qiegħed iwassal it-tjieba li toħroġ mill-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.