Il-ħobż ħaj

20-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Illum inkomplu nisimgħu l-qari mis-sitt kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann. Il-ġimgħa l-oħra smajna lil Ġesu jgħid lill-folla, “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. Illum nerġgħu nisimgħuh jirrepeti, “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.” Aspett wieħed tal-ħobż, huwa li jmantnina. Huwa ikel bażiku fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani, fl-Ewropa, l-Awstralja u fl-Asja Ċentrali. Ġesù qiegħed juri lilu nnifsu bħala “ikel bażiku”, in-nutriment aħħari għall-umanità kollha. Ovvjament fiżikament, ikollna bżonn ikel ieħor biex ngħixu, iżda huwa Ġesù li hu r-raġuni ewlenija u s-sosteniment tal-ħajja tagħna.  Ġesù jirreferi wkoll għall-ġrajja tal-Eżodu. Bl-istess mod li Alla ta l-manna lill-poplu tiegħu meta kien fid-deżert, biex isostnih, issa Alla jagħtina manna ġdid li tagħtina l-ħajja ta’ dejjem.

In-nies ma setgħux jifhmu dak li kien qiegħed jgħid Ġesù. Kif seta’ ġismu stess ikun il-ħobż. Bi tweġiba lil dawk li kienu qegħdin jargumentaw dwar it-tifsira ta’ kliemu, Ġesù jgħallem b’enfasi akbar li min jiekol Ġismu u jixrob Demmu, isalva. Wieħed seta’ biss jifhem dak li ried jgħid Ġesù, wara il-mewt u qawmien tiegħu. Permezz tal-kliem ta’ Ġesù, li nisimgħu llum fl-Evanġelju, nitgħallmu dwar il-ħajja li jrid jagħtina, li jrid jagħti lil kull wieħed u waħda minna. Ħafna kienu li ma emmnux jew ma aċċettawx it-tagħlim ta’ Ġesù, sabu dan il-kliem tqil wisq biex jifmuh. Anke llum, għadna nsibu lil min isibha diffiċli jaċċetta t-tagħlim ta’ Ġesù. Minkejja kollox, dan huwa tagħlim important ħafna, u jekk naċċettawh, jagħti raġuni lill-ħajja tagħna, għax jirrivela l-konnessjoni intima li għandna ma Ġesù.

Ġesù jagħtina lilu nnifsu wkoll fl-Ewkaristija. Insibu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu fil-ħobż u l-inbid. Meta nitqarbnu, Ġesù nnifsu jiġi jgħammar ġewwa fina. Din il-komunjoni mal-Mulej, tagħmilna ġisem wieħed. It-tqarbin iwassalna għall-ħajja ta’ dejjem u jagħtina l-qawwa biex nagħmlu atti ta’ mħabba mhux biss mal-familja tagħna, iżda mal-umanità kollha.  Dak kollu li nagħmlu għall-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu tagħna, ikun qiegħed iwassal it-tjieba li toħroġ mill-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 6: 51-58)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”.

Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.

Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. L-aktar mod ovvju li nagħmlu dak li jgħallimna Ġesù, hu li nemmnu fih u nuru lill-oħrajn li Ġesù huwa ċ-ċentru tal-ħajja tal-familja tagħna, u tal-qima tagħna. Mod li nagħmlu dan huwa li mmorru għall-quddies kull nhar ta’ Ħadd u nitqarbnu, u meta possibli, anke matul il-Ġimgħa.
  4. San Franġisk de Sales jgħid “it-talb huwa l-mezz li bih nitilgħu lejn Alla, is-sagramenti huma l-mod li bihom Alla jinżel għandna.” Matul din il-ġimgħa ppruvaw morru quddiem Ġesù Sagramentat u bħala familja, nagħmlu ħin flimkien ta’ talb u adorazzjoni.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (6, 51-58)
    ii. Xemgħa mixgħula
    iii. Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u x-xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid xi ħaġa importanti ħafna. Jgħallimna li hemm mod, kif aħna nistgħu ngħixu miegħu, għal dejjem fil-ġenna. Ġesù jiddeskrivi lilu nnifsu bħala ikel speċjali, ‘ħobż mis-sema.’ Dan il-ħobż jimlilna qalbna u ruħna, għal dejjem. Permezz ta’ Ġesù, Alla jagħtina r-rigal tal-ħajja ta’ dejjem.

  • Ġesù jistedinna biex ngħixu ma’ Alla għal dejjem
  • Ġesù jgħidilna li hu l-‘ħobż ħaj’
  • Il-printout tal-attività
  • Envelop abjad
  • Lapes/kuluri
  • Imqass

Darba Ġesù qal xi ħaġa importanti ħafna. Hu qal, “Jiena l-Ħobż tal-Ħajja.” X’ried ifisser Ġesù b’dan il-kliem? Bl-istess mod li l-ħobż jimliena u jissodisfana meta jkollna l-ġuħ, Ġesù jimliena u jissodisfana.

Għalfejn nieklu u nixorbu? Minħabba li rridu nitimgħu lil ġisimna, biex nikbru, u nkunu b’saħħitna.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna li għandna bżonn ikel speċjali li jgħinna nkunu ma’ Alla għal dejjem fil-ġenna. Xi jfisser dan kollu? Bl-istess mod li l-ikel isostnina u jżommna ħajjin kieku nkunu fuq xi gżira deżerta, Ġesù jagħtina l-ħajja u jsostnina. Ġesù jrid li nsiru nafuh; għalhekk qalilna li hu l-“Ħobż tal-Ħajja.” Ma hemm l-ebda ikel li jista’ verament jissodisfana, ħlief li nafu li Ġesù jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Ġesù wegħdna li hu jkun ma’ dawk kollha li jieklu dan il-ħobż li ġej mis-sema u huma jkunu ma’ Alla għal dejjem fil-ġenna. X’aktarx xi wħud minnkom għadkom kif iċċelebrajtu l-Ewwel Tqarbina tagħkom, u waqt il-quddiesa kiltu minn dan l-ikel speċjali, li nsejħulu l-Ewkaristija.

Waqt il-quddiesa, aħna noffru l-ħobż u l-inbid. Dawn kif jinbiddlu fis-sagrament tat-tqarbin? Huma jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, li jiġi għandna. Niftakru li Ġesù ta ħajtu għalina biex isalvana mid-dnub tagħna u jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Bl-istess mod li ġisimna għandu bżonn l-ikel u x-xorb biex ikun b’saħtu, ruħna għandha bżonn l-ikel u l-qawwa li jiġi minn dan is-sagrament.

Sabiex niftakru dak li qalilna Ġesù llum, għandkom il-printout ‘Ħobż tal-Ħajja.’ Aqtgħu l-forom tal-ħobż. Poġġuhom ġol-envelop u fuqu iktbu, “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema.” (Ġwanni 6, 51). Iktbu wkoll, Ġrazzi Ġesù li inti l-ħobż tal-ħajja!

Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu,

THE EUCHARIST.

Inroddu s-salib

Grazzi Mulej, għax inti l-Ħobż tal-Ħajja. Iftħilna għajnejna biex narawk bħala l-unika Ħobż li tista’ tissodisfa l-ġuħ spiritwali, u sabiex narawk f’dawk kollha li huma bil-ġuħ. Ammen.

Introduzzjoni

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħallimna xi ħaġa importanti ħafna. Huwa jsejjaħ lilu nnifsu l-ħobż ħaj li jinżel mis-sema. Dan il-ħobż jimla’ għal dejjem lill-qlubna u lir-ruħna. Alla, permezz ta’ Ġesù, tagħna r-rigal tal-ħajja ta’ dejjem.

  • Meta nirċievu r-rigal ta’ Ġesù fit-tqarbin, inkunu qegħdin nirċievu l-ħajja ta’ Alla ġo fina.
  • Ma nirċevux biss rigal, imma nsiru wkoll rigal għall-oħrajn.
  • 500g tqiq (biżżejjed għal żewġ ħbejżiet żgħar, jekk tridu tagħmlu aktar, żidu l-ammont)
  • 4g ħmira
  • Niskarta melħ
  • 325ml ilma biered

Ġesù kien jaf li se jmut, u ta lid-dixxipli, u lilna, rigal speċjali, l-Ewkaristija. Tana lilu nnifsu.

Ġesù wegħdna li hu jibqa’ magħna għal dejjem. Permezz tal-Ewkaristija, huwa qiegħed iżomm il-wegħda li għamlilna, hu jibqa’ magħna fiżikament.

Il-kelma ‘Ewkaristija’ tfisser ‘tirringrazzja.’ Aħseb dwar meta rċevejt rigal. Kif ħassejtek? Forsi għall-birthday irċevejt rigal speċjali, wieħed li kont ilek tixtieq. Kif ħassejtek meta rċevejtu? X’għidt lil min tak dan ir-rigal? X’aktarx ħassejtek vera ferħan u rringrazzjajt lil min tahulek. Meta xi ħadd jagħtina rigal, ikun qiegħed jurina kemm iħobbna, u jkun jixtieq jarana ferħanin. X’dan il-każ ikollna għalfejn inħossuna grati. Hekk ukoll iħossu Alla. Hu iħobbna ħafna u jrid jieħu ħsiebna, tana dan ir-rigal speċjali, tana lil Ġesù.

Aħna nemmnu, li waqt il-quddiesa, il-ħobż u l-inbid li noffru, jinbidlu fil-Ġisem u fid-Demm ta’ Kristu. Dan ir-rigal speċjali (l-Ewkaristija) tgħaqqadna b’mod sħiħ ma’ Ġesù u ma’ xulxin. Waqt il-quddiesa niċċelebraw flimkien bħala membri tal-familja ta’ Alla. Meta nirċievu r-rigal ta’ Ġesù fit-tqarbin, inkunu qed insaħħu u nqawwu r-ruħ tagħna, u nirċievu għajnuna biex negħlbu d-dnub u nsaħħu l-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù, ukoll. L-Ewkaristija tgħina nagħmlu għażliet tajba li jresquna aktar viċin lejn il-ħajja ta’ dejjem, ma’ Alla. It-tqarbin jgħinna nħobbu lill-oħrajn, bħalma jħobb Ġesù. Din l-imħabba tgħinna niffukaw fuq l-oħrajn u mhux fuqna nfusna biss. Mhux biss nirċievu rigal, imma nsiru wkoll, rigal għall-oħrajn! Kif nistgħu nkunu rigal għall-oħrajn? Ippruvaw aħsbu kif tistgħu ssiru rigal, billi twasslu l-preżenza ta’ Ġesù fid-dar, fl-iskola jew mal-ħbieb. Jista’ jkun li tgħid kliem ta’ nkoraġġiment, iġib ruħek sew u tkun ta’ għajnuna, ma taħsibx fik innifsek, titbissem lil xi ħadd li hu mdejjaq. Hemm ħafna modi, kif nistgħu nwasslu r-rigal ta’ Ġesù lill-oħrajn.

Illum se nsajru l-ħobż u naqsmuh mal-familja u ħbieb. Araw li għandkom l-ingredjenti kollha.

Metodu:

  1. Inħawwdu l-ingredjenti ġo reċipjent.
  2. Naħdmu l-għaġina.
  3. Nistennew! Naqsmu l-għaġina fi tnejn u npoġġuhom ġo reċipjenti separati. Ngħattu r-reċipjent bil-clingfilm u nistennew sagħtejn.
  4. Naħmu l-ħobż. Il-forn ikun sħun, 2000C. Indelku dixx bil-butir u niksuh bil-karti tal-forn, inpoġġu l-għaġina forma ta’ ħbejża fuq id-dixx. Naħmu għal madwar 30 minuti, jew sakemm tidher li tkun lesta.
  5. Nieklu l-ħobż flimkien! Ma ninsewx nagħtu l-ħobża l-oħra lil xi ħadd, u b’hekk inkunu qegħdin naqsmu dak li għandna u l-imħabba tagħna mal-oħrajn.

Waqt li qegħdin nagħmlu l-ħobż. Nisimgħu din is-song flimkien, We are one body.

Inroddu s-salib

Għażiż Mulej, aħna mħaddnin bl-imħabba tiegħek. Grazzi tal-ħafna rigali li tatina, speċjalment tar-rigal ta’ Ġesù, li nirċievu fl-Ewkaristija. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.