
Bartilmew jew Natanjel?
L-isem oriġinali tiegħu kien Natanjel bar Tolmai (bin Tolmai), għalhekk ismu sħiħ kien Natanjel Bartilmew (fejn Natanjel kien l-isem personali tiegħu u Bartilmew kien isem derivat minn dak ta’ missieru).
Fit-Testiment il-Ġdid, huwa mniżżel bħala wieħed mit-Tnax-il Appostlu u kien ħabib Filippu li kien appostlu ieħor. Fil-Evanġelji skont San Mattew, San Mark u San Luqa huwa jissejjaħ Bartilmew, filwaqt fil-Evanġelju skont San Ġwann jissejjaħ Natanjel minn Kana.
L-Evanġelju ta’ San Ġwann jippreżentalna r-rakkont impressjonanti tas-sejħa ta’ Natanjel biex ikun wieħed mit-Tnax. Filippu, ħabib kbir tiegħu, kien diġà ltaqa’ ma’ Ġesù u aċċetta s-sejħa biex jimxi warajh. Hu fittex lil Natanjel u b’ħeġġa kbira laqgħu bi kliem li jindika li t-tnejn li huma kienu studjużi tal-Liġi u tal-Profeti: “Sibna lil dak li dwaru kitbu Mosè fil-Liġi u l-profeti – Ġesù ta’ Nażaret, bin Ġużeppi!” Permezz tal-istudji tagħhom, Filippu għaraf li Ġesù kien il-Messija li kienu ilhom jistennew. Ir-reazzjoni ta’ Natanjel kienet waħda ta’ nuqqas ta’ twemmin; huwa wieġeb: “Nażaret! Jista’ joħroġ xi ħaġa tajba minn hemm?” Ir-reazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq preġudizzju dwar Nażaret, raħal żgħir ħafna tal-bdiewa fejn kienu stabbilew ruħhom ftit familji. Barra minn hekk, il-Lhud ta’ dak iż-żmien kienu jħarsu lejn Nażaret, u saħansitra lejn iż-żona tal-Galilija, b’disprezz kbir. Natanjel kien qed jistaqsi kif il-Messija ta’ Alla seta’ jiġi minn post daqshekk insinifikanti?
Filippu insista: “Ejja u ara.” Natanjel mar, u ħajtu nbidlet meta ltaqa’ ma’ Ġesù, li ra fih qalb u karattru sinċier filwaqt li stqarr li kien Iżraeli veru u onest. Milli jidher Natanjel kien semgħu, għax staqsa lil Ġesù: “Kif tafni?” It-tweġiba ta’ Ġesù — “Rajtek meta kont għadek taħt is-siġra tat-tin, qabel ma sejjaħlek Filippu” — ħalliet lil Natanael bla kliem. Natanjel mill-ewwel induna li Ġesù kien Dak imħabbar mill-profeti. Hu sar l-ewwel dixxiplu li stqarr: “Rabbi, Inti l-Iben ta’ Alla, Inti s-Sultan ta’ Iżrael!” (Ġw. 1, 45-51)
Natanjel mexa wara Ġesù u kien xhud tat-tagħlim u l-mirakli tiegħu, tal-Qawmien ta’ Ġesù u ta’ Tlugħ tiegħu fis-Sema.
Meta l-Appostli nxerrdu biex ixandru l-Aħbar it-Tajba, Natanjel – x’aktarx flimkien ma’ Filippu – wettaq ħidma missjunarja fl-Indja, fl-Armenja, fil-Persja u fl-Eġittu. San Bartilmew ingħata martirju aħrax li qaxxrulu l-ġilda tiegħu u wara miet bi qtugħ ir-ras.
Natanjel huwa mniżżel bħala San Bartilmew fil-Martiroloġju Ruman, ir-reġistru storiku li jiddokumenta l-ħajja u l-mirakli tal-qaddisin u l-martri Kristjani tal-Knisja tal-bidu.
