Santa Ċeċilja

22 ta' Novembru

Skont leġġenda Rumana, Santa Ċeċilja kienet mill-belt ta’ Ruma. 

Ċeċilja twieldet xi żmien matul it-tieni jew it-tielet seklu W.K. f’familja nobbli u għanja, fi żmien meta l-Imperaturi Rumani kienu jippersegwitaw lill-Insara.

Sa minn ċkunitha bdiet tħobb lil Ġesù, u iktar ma tħobb lil Ġesù, u iktar ma kienet qed tikber, iktar kienet qed issir tħobbu. Mhux biss kienet issum u tipprattika atti oħra ta’ penitenza, iżda kkonsagrat ħajjitha lil Kristu, u lilu biss, bħala l-għarusa tiegħu.

Dak iż-żmien, in-nisa żgħażagħ ma kellhomx leħen fl-għażla ta’ żewġhom. Valerjanu, nobbli Ruman pagan, intgħażel għal Ċeċilja kontra r-rieda tagħha. Ċeċilja ma kellhiex għażla oħra. Ma setgħetx tmur kontra missierha, iżda kienet determinata li żżomm il-wegħda tagħha lil Kristu: dik li tkun l-għarusa Tiegħu biss.

Waqt it-tieġ, Ċeċilja qagħdet bilqiegħda apparti u, waqt li kienet tindaqq il-mużika, hija kantat talba lill-Għarus tagħha tas-Sema, akkumpanjata mill-mużika divina li kienet tħoss f’ qalbha. Wara t-tieġ, Ċeċilja żvelat lil Valerjanu li kienet Nisranija u li kienet wegħdet li l-uniku Għarus tagħha kien se jkun Ġesù Kristu—wegħda ta’ verġinità mħarsa minn anġlu. Valerjanu kien xettiku u talab biex jara lill-anġlu. Ċeċilja baqgħet soda fil-fidi tagħha u qaltlu li kellu jiltaqa’ mal-Papa Urbanu I, li kien qed jgħix fil-katakombi minħabba l-persekuzzjoni tal-Insara f’dak iż-żmien.

Valerjanu mar ifittex lill-Papa. Eventwalment, huwa aċċetta li jiġi mgħallem fil-fidi Nisranija u li jitgħammed. Meta rritorna għand Ċeċilja, jingħad li ra lill-anġlu jpoġġi kuruna ta’ ġilji bojod fuq ras Ċeċilja, bħala simbolu tal-purità tagħha, u oħra ta’ ward aħmar għall-martirju tagħha.

Valerjanu qasam l-esperjenzi tiegħu ma’ ħuh Tiburzju, li wkoll tgħammed. It-tnejn saru Insara u appoġġjaw lill-komunità Nisranija billi kienu jgħinu lill-Insara moħbija u jidfnu lill-nsara martri. Meta l-awtoritajiet Rumani saru jafu bihom, ġew ordnati joffru sagrifiċċji lil Ġove, l-alla Ruman, iżda huma rrifjutaw li jagħmlu dan. Massimu, suldat Ruman, ġie ordnat jaqtagħlhom rashom, iżda jingħad li hu wkoll ikkonverta għall-fidi wara li ra viżjoni tas-sema qabel ma wettaq l-ordni tal-eżekuzzjoni. It-tlieta li huma ġew eżegwiti, u kienet Ċeċilja li difnithom.

Ftit wara, Ċeċilja ġiet arrestata u hi wkoll irrifjutat li tagħti qima lil Ġove. Dak iż-żmien, Ċeċilja kienet membru maħbuba tal-komunità; għalhekk, minflok ma eżegwewha fil-pubbliku, il-Prefett Ruman ordna li tissakkar fil-kamra tal-banju tagħha, mimlija bil-fwar jaħraq li kien joħroġ minn ilma jagħli, bil-għan li tifga. Hija baqgħet ħajja, u għalhekk huwa ordna li tinqata’ rasha f’darha stess.

Billi l-liġi Rumana kienet tipprojbixxi li tingħata r-raba’ daqqa, ħalliha tmut waħidha.  Hija baqgħet tbati u tissielet mal-mewt għal tlett ijiem sħaħ. Fl-aħħar nifs tagħha, kantat lill-Għarus tagħha tas-Sema u talbet lil dawk ta’ madwarha biex iqassmu l-ġid u l-proprjetà tagħha lill-foqra. Talbet ukoll biex darha tinbidel fi knisja. It-tradizzjoni tgħid li l-Papa Urbanu I bena knisja fuq id-dar ta’ ‘verġni martri jisimha Ċeċilja.’ Il-Bażilka ta’ Santa Ċeċilja għadha teżisti sal-lum fi Trastevere, Ruma.

Li twassal lit-tfal it-tifsira u l-valur veru tal-verġinità huwa riżultat ta’ djalogu kontinwu magħhom, ibbażat fuq ir-rispett lejn ġisimna. It-tagħlim lit-tfal dwar il-purità sesswali jista’ jkun suġġett diffiċli biex jiġi ttrattat, hekk kif wieħed jista’ jħoss xi ftit ansjetà jew saħansitra skomdità.

  • Irridu nirrikonoxxu li wliedna diġà qed jiġu influwenzati minn immaġini relatati mas-sess permezz tal-midja u influwenzati minn sħabhom, li qed isawru l-fehmiet u l-attitudnijiet tagħhom.
  • Għalhekk, hija r-responsabbiltà tagħna bħala ġenituri u gwardjani li nħejju lil uliedna għal relazzjonijiet siguri, b’saħħithom u mimlija rispett, ibbażati fuq il-modestja, il-privatezza u r-rispett.
  • Spega s-suġġett billi twieġeb il-mistoqsijiet li jsiru — mhux dawk li ma sarux — u ħu l-opportunità meta tinqala’, filwaqt li żżomm ton kalm u tibqa’ miftuħ u onest.
  • Hekk kif it-tfal jikbru, aħna nżidu d-dettalji skont l-età tagħhom; mhux biss ngħaddulhom l-informazzjoni, iżda flimkien mal-fatti ngħaddulhom ukoll il-valuri. Meta jkunu lesti biex jifhmu u jipproċessaw is-sentimenti u l-ħsibijiet tagħhom, spjegalhom li l-verġinità hija l-għażla li wieħed iżomm lura mill-att sesswali qabel iż-żwieġ, jew inkella dedikazzjoni totali lil Alla.
  • Daħħal lil Alla f’dan il-kuntest! Hu ħalaqna fuq ix-xbieha u x-xebh Tiegħu, u ħalaqna raġel u mara biex inkunu msieħba Tiegħu fil-kontinwazzjoni tal-umanità.

It-tfal tagħna, anke f’età bikrija, jiffaċċjaw sfidi biex jibqgħu sodi fil-valuri li ngħaddulhom. Tkellem mat-tfal dwar il-pressjoni tal-ħbieb u spjegalhom kif dawk li jagħmlu parti mill-gruppi soċjali tagħna jippruvaw jagħmlulhom pressjoni biex jaġixxu b’ċertu mod jew jagħmlu ċerti affarijiet.

 Isma’ lit-tfal jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom f’dan ir-rigward:

  • Spjega li huwa naturali li wieħed ikun irid jidħol fil-grupp u jkun aċċettat, iżda huwa importanti li jibqgħu huma stess, anke jekk dan ifisser li jkunu differenti mill-bqija tal-grupp.
  • Ħeġġiġhom jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-effetti pożittivi u negattivi tal-pressjoni tal-ħbieb (peer pressure) ~ ir-reazzjonijiet tagħhom ~ il-ħtieġa li jidħlu fil-grupp għax ‘kulħadd qed jagħmel hekk’ ~ u l-importanza li jkollhom is-saħħa biex ‘jitbiegħdu’ mis-sitwazzjoni.

Ħin tat-Talb mal-Familja

Il-kant hu forma oħra ta’ talb!

  • Ejjew nħeġġu lil uliedna biex ikantaw b’leħen għoli fil-knisja.
  • Ħeġġiġhom jagħżlu l-innu favorit tagħhom u jkantawh flimkien bħala talba.
  • Anke fiż-żminijiet tal-lum, l-Insara jiġu ppersegwitati minħabba t-twemmin tagħhom. Ejjew nitolbu għal dawn in-nies biex jibqgħu sodi fil-provi tagħhom.
  • Itolbu flimkien it-talba tal-Ewwel Misteru tal-Ferħ u akkumpanjawha bil-kant ta’ ‘Ave, Ave, Ave Maria’ unur il-Verġni Marija.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.