
Illum hija l-festa tal-Familja Mqaddsa, Ġesù, Marija u Ġużeppi. Insejħula mqaddsa, imma dan ma jfissirx li kienet familja li ma kinitx taf tbatija u kuntrarju. Din il-familja bdiet, bl-‘iva’ ta’ Marija. Meta aċċettat li ssir Omm Alla, Marija qalet iva għal ħafna mumenti diffiċli. Hi ma kinitx miżżewġa, iżda tqila; l-għarus tagħha ried jibgħatha ’l bogħod bil-moħbi. Meta Ġużeppi qal l-‘iva’ tiegħu, kellu jivvjaġġa sa’ Betlehem, fejn ilkoll nafu l-ġrajja, ma sabx post komdu fejn jitwieled Ġesù. Kif jgħidilna l-Evanġelju tal-lum, Betlehem kienu fil-periklu, għalhekk kellhom imorru ’l bogħod. Spiċċaw refuġjati, l-Eġittu. Sinjuri ma kinux. Meta ppreżentaw lil Ġesù fit-Tempju semgħu kliem li għabbihom b’responsabbiltà u aċċettazzjoni li se jaraw ħafna tbatija flimkien ma’ Ġesù. Meta Ġesù kellu 12-il sena, intilfilhom. Skont it-tradizzjoni, Marija spiċċat armla. Il-ħajja ta’ armla qatt ma hi faċli, aktar u aktar f’dawk iż-żminijiet. Minbarra dan kienet tara l-ġid li jagħmel binha, impatti b’għira, mibgħeda, kliem ta’ disprezz u fl-aħħar il-passjoni u mewt fuq is-salib.
Il-Familja Mqaddsa għaddiet minn tbatijiet u diffikultajiet, bħalma ngħaddu aħna u l-familji tagħna. Din il-familja hija speċjali, għax f’nofs dan kollu, dejjem irrenjat l-imħabba, il-maħfra u l-ħniena. Aktar ’il quddiem, Ġesù jagħtina definizzjoni ta’ kif għandha tkun familja; “kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.” (Mt 12, 50). L-imħabba, il-maħfra u l-ħniena, huma preżenti ta’ kuljum fil-familja tagħna? Kull persuna hi min hi għandha bżonn li tkun maħbuba, li tingħata l-maħfra, li tkun murija ħniena. Anke aħna għandna bżonn ta’ dan.
L-Evanġelju tal-lum imiss żewġ temi, li llum ukoll qegħdin niltaqgħu magħhom. L-ewwel waħda hi r-refuġjati. Il-Familja Mqaddsa, kellha titlaq mill-pajjiż fejn kienet tħossha komda, il-post fejn għexu Marija u Ġużeppi, għax dan il-post sar ta’ theddida għal binhom. Minn ċittadini f’pajjiż, saru refuġjati f’pajjiż ieħor. Kif laqgħuhom? Aħna kif nilqgħuhom lir-refuġjati, kif nitkellmu dwarhom, x’għajnuna lesti li nagħtuhom?
It-tema l-oħra hija l-qtil tal-innoċenti. Il-Familja Mqaddsa kellha titlaq, għax Erodi ried joqtol lil Ġesù. Illum Erodi għadu fostna, fil-qtil ta’ tant trabi fil-ġuf, qtil ta’ tfal u adulti li għandhom diżabbilità, li ma humiex prodduttivi ekonomikament, qtil ta’ anzjani li wkoll ma għandhomx jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż, qtil ta’ nies morda b’mard terminali, għax qed ibgħatu, jew aħna qed inbagħtu, narawhom f’din is-sura. Forsi f’Malta dan kollu mhux qed isir, iżda l-kliem għaddej, u ħafna huma favur li jsiru l-Erodi tal-lum. U aħna? X’inhi l-pożizzjoni f’dan kollu? X’messaġġ qegħdin inwasslu lit-tfal tagħna?
Il-Familja Mqaddsa ma kinitx familja li nsibu biss fl-istejjer, għexet mumenti diffiċli, fost ħafna mumenti ta’ ferħ ukoll. Marija u Ġużeppi, kellhom familja mqaddsa, għax kellhom lil Ġesù, kellhom lil “Għimmanu-El”, huma emmnu li Alla kien dejjem magħhom, kif hu dejjem magħna u mal-familja tagħna.