Min hu Ġesù?

Il-Familja Mqaddsa, Sena A

Illum hija l-festa tal-Familja Mqaddsa, Ġesù, Marija u Ġużeppi. Insejħula mqaddsa, imma dan ma jfissirx li kienet familja li ma kinitx taf tbatija u kuntrarju. Din il-familja bdiet, bl-‘iva’ ta’ Marija. Meta aċċettat li ssir Omm Alla, Marija qalet iva għal ħafna mumenti diffiċli. Hi ma kinitx miżżewġa, iżda tqila; l-għarus tagħha ried jibgħatha ’l bogħod bil-moħbi. Meta Ġużeppi qal l-‘iva’ tiegħu, kellu jivvjaġġa sa’ Betlehem, fejn ilkoll nafu l-ġrajja, ma sabx post komdu fejn jitwieled Ġesù. Kif jgħidilna l-Evanġelju tal-lum, Betlehem kienu fil-periklu, għalhekk kellhom imorru ’l bogħod. Spiċċaw refuġjati, l-Eġittu. Sinjuri ma kinux. Meta ppreżentaw lil Ġesù fit-Tempju semgħu kliem li għabbihom b’responsabbiltà u aċċettazzjoni li se jaraw ħafna tbatija flimkien ma’ Ġesù. Meta Ġesù kellu 12-il sena, intilfilhom. Skont it-tradizzjoni, Marija spiċċat armla. Il-ħajja ta’ armla qatt ma hi faċli, aktar u aktar f’dawk iż-żminijiet. Minbarra dan kienet tara l-ġid li jagħmel binha, impatti b’għira, mibgħeda, kliem ta’ disprezz u fl-aħħar il-passjoni u mewt fuq is-salib.  

Il-Familja Mqaddsa għaddiet minn tbatijiet u diffikultajiet, bħalma ngħaddu aħna u l-familji tagħna. Din il-familja hija speċjali, għax f’nofs dan kollu, dejjem irrenjat l-imħabba, il-maħfra u l-ħniena.  Aktar ’il quddiem, Ġesù jagħtina definizzjoni ta’ kif għandha tkun familja; “kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.” (Mt 12, 50). L-imħabba, il-maħfra u l-ħniena, huma preżenti ta’ kuljum fil-familja tagħna? Kull persuna hi min hi għandha bżonn li tkun maħbuba, li tingħata l-maħfra, li tkun murija ħniena. Anke aħna għandna bżonn ta’ dan.  

L-Evanġelju tal-lum imiss żewġ temi, li llum ukoll qegħdin niltaqgħu magħhom. L-ewwel waħda hi r-refuġjati. Il-Familja Mqaddsa, kellha titlaq mill-pajjiż fejn kienet tħossha komda, il-post fejn għexu Marija u Ġużeppi, għax dan il-post sar ta’ theddida għal binhom. Minn ċittadini f’pajjiż, saru refuġjati f’pajjiż ieħor. Kif laqgħuhom? Aħna kif nilqgħuhom lir-refuġjati, kif nitkellmu dwarhom, x’għajnuna lesti li nagħtuhom? 

It-tema l-oħra hija l-qtil tal-innoċenti. Il-Familja Mqaddsa kellha titlaq, għax Erodi ried joqtol lil Ġesù. Illum Erodi għadu fostna, fil-qtil ta’ tant trabi fil-ġuf, qtil ta’ tfal u adulti li għandhom diżabbilità, li ma humiex prodduttivi ekonomikament, qtil ta’ anzjani li wkoll ma għandhomx jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż, qtil ta’ nies morda b’mard terminali, għax qed ibgħatu, jew aħna qed inbagħtu, narawhom f’din is-sura. Forsi f’Malta dan kollu mhux qed isir, iżda l-kliem għaddej, u ħafna huma favur li jsiru l-Erodi tal-lum. U aħna? X’inhi l-pożizzjoni f’dan kollu? X’messaġġ qegħdin inwasslu lit-tfal tagħna? 

Il-Familja Mqaddsa ma kinitx familja li nsibu biss fl-istejjer, għexet mumenti diffiċli, fost ħafna mumenti ta’ ferħ ukoll. Marija u Ġużeppi, kellhom familja mqaddsa, għax kellhom lil Ġesù, kellhom lil “Għimmanu-El”, huma emmnu li Alla kien dejjem magħhom, kif hu dejjem magħna u mal-familja tagħna.  

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 2: 13-15.19-23)  

Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”. 

Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, “Ikun jissejjaħ Nażri”. 

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Numru ta’ drabi fil-Bibbja niltaqgħu ma’ anġli, messaġġiera ta’ Alla. Aħna lkoll għandna Anġlu Kustodju li jipproteġina, imexxina u jħarisna. Itlob kemm l-Anġlu Kustodju tiegħek u anke l-Anġlu Kustodju tat-tfal. (Talba lill-Anġlu Kustodju)  
  4. Fil-Festa tal-Familja Mqaddsa, nagħmlu sforz biex ta’ kuljum, inkunu aktar preżenti fil-familja tagħna; nagħtu aktar attenzjoni lil xulxin, ma nkunux negattivi u ma nikkritikawx kull ħaġa, minflok nibnu lil xulxin, biex kull wieħed u waħda minnha nersqu għall-milja ta’ dak li nistgħu nkunu.  
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw: 
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (2: 13-15.19-23) 
    ii. Xemgħa bajda kbira 
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad 
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum il-Festa tal-Familja Mqaddsa. Tafu min hi l-Familja Mqaddsa? (Ġesù, Marija u Ġużeppi) 

Fl-Evanġelju se nisimgħu dwar ħolma li kellu Ġużeppi, u kemm Ġużeppi kien iħobb u jieħu ħsieb il-familja tiegħu. 

  • Aħna għandna familja li ngħixu fiha; Alla tana din il-familja u nies oħra, biex jieħu ħsiebna 
  • Karta bajda A4, vojta 
  • Lapes 
  • Kuluri 
  • Ritratt tal-familja tiegħek (jekk mhux se tpinġi) 

Tfal, intom qatt lgħabtu logħba jisimha Blind Man’s Buff? Din bħal-logħba Catch jew Tag, imma dak li qed jipprova jaqbad lill-oħrajn ikollu għajnejh mgħottija. Kieku kellkom tilgħabu din il-logħba, kif taħsbu li tħossukom? (it-tfal jagħtu tweġibiet tagħhom) 

Meta ma tarax fejn sejjer, tista’ tħossok tibża xi ftit, għax ma tafx x’hemm quddiemek, tista’ tidħol fl-għamara jew ġol ħajt u tweġġa. Kulħadd jippreferi li jkun jaf fejn sejjer. San Ġużepp ma kienx qed jilgħab! Anġlu deherlu fil-ħolm u qallu jitlaq minfejn kien. Ma taħx indirizz eżatt ta’ fejn kellu jmur. Ġużeppi ma kienx jaf fejn sejjer. Imma Ġużepp kien jafda lil Alla. Huwa emmen li fejn kien se jwasslu Alla, kien post fejn hu, Marija u Ġesù ikunu ‘l bogħod mill-periklu.  

Il-messaġġ tal-lum huwa propju dan, li dejjem għandna nafdaw f’Alla. Nafdaw f’Alla meta nkunu qed nibżgħu, meta nħossuna waħedna, meta nkunu ferħana u mal-ħbieb. Dejjem għandna niftakru u nemmnu li Alla qiegħed magħna u dak li qed jitlob minna hu għal ġid tagħna, anke jekk ma aħniex nifhmu, jew nixtiequ nagħmlu xi ħaġa differenti minn dak li Alla jixtieq li nagħmlu. 

L-ewwel semmejna dik il-logħba ta’ Blind Man’s Buff. Issa kieku xorta waħda qegħdin b’għajnejna mogħtija, imma xi ħadd li nafdaw jgħidilna x’għandna nagħmlu, pereżempju li nagħtu żewġ passi ‘l quddiem u nduru, u nimxu bil-mod fuq ix-xellug. Dan il-leħen ikun qiegħed imexxina u jieħdu ħsiebna biex ma naħbtux ma’ xi ħaġa u nweġġgħu. Jekk aħna nafdaw lil dak il-leħen, aħna ma nweġġgħux, anke jekk mhux qed naraw fejn sejrin. Ma’ Alla l-istess irridu nagħmlu, irridu nħallu lilu jmexxina, u nemmnu li se jwassalna fejn hu ta’ ġid għalina. 

Tafu kif se nkunu nafu, Alla, fejn iridna mmorru? Meta naqraw l-istejjer mill-Bibbja, lil Alla nsiru nafuh aktar u nitgħallmu wkoll dak li jixtieqna nagħmlu. Mill-istorja tal-lum Alla jgħallimna li hu dejjem magħna, kif kien ma’ Marija, Ġużeppi u Ġesù. Hu se jieħu ħsiebna. Lil Alla nisimgħuh ukoll fit-talb, u jkellimna permezz ta’ oħrajn waqt il-quddiesa, fil-laqgħat ta’ katekeżi u wkoll permezz ta’ dawk kollha li jħobbuna. 

Alla tana familja biex tħobbna, u tmexxina fit-triq it-tajba. Hekk kif Ġużeppi u Marija ħadu ħsieb Ġesù, il-familja tagħkom tieħu ħsibkom. Fuq karta pinġu lill-membri tal-familja tagħkom. Tinsewx tpinġu lilkom infuskom ukoll. Jekk ma tixtieqx tpinġi waħħal ritratt tal-familja tiegħek. Madwar it-tpinġija jew ritratt, ikteb: “Għażiż Ġesù, bierek u hu ħsieb il-familja tiegħi.” Meta tkun lest, poġġi din il-karta ħdejn Ġesù fil-maxtura, u kuljum ftakar itlob għal dawk li jħobbuk u jieħdu ħsiebek. 

Waqt li qed tagħmel din l-attività, isma, One Family.

Radd tas-salib

Għażiż Ġesù, grazzi li tieħu ħsiebi u tieħu ħsieb lill-familja tiegħi ukoll. Nixtieq nitlob għal dawk it-tfal li bħalissa jħossu li ħadd ma jħobbhom. Fakkarhom Ġesù li inti tħobbhom ħafna. Ammen. 

Fl-Evanġelju tal-lum se nisimgħu dwar ħolm li kellu San Ġużepp. Fil-Bibbja ma tantx insibu dwar San Ġużepp, u qatt ma nisimgħuh jitkellem.  Imma nitgħallmu ħafna, mill-ftit li nisimgħu dwaru.

  • Biex tkun qaddis ma jfissirx li tkun perfett, iżda li tafda f’Alla, u tħallih imexxik, speċjalment fid-diffikultajiet li tiltaqa’ magħhom; tafda f’Alla anke meta ma tifhimx 
  • Stampa tal-Familja Mqaddsa 
  • Lapes jew xi ħaġa biex tikteb 

Dwar xiex kien l-Evanġelju tal-lum? 

Ġużeppi kien fil-libertà li jagħmel jew ma jagħmilx dak li qallu l-Anġlu. X’taħsbu li seta’ jiġri kieku Ġużeppi ma obdiex dak li qallu l-Anġlu? 

Ġużeppi kellu fiduċja kbira f’Alla. Diġà kien wera li jafda u jobdi lil Alla meta lil Marija ma warrabhiex meta hi qaltlu li se jkollha tarbija u Alla kellmu permezz tal-anġlu u qallu, “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù”. Ġużeppi ħassu responsabbli kemm għal Marija, kif ukoll għat-tarbija, Ġesù. Hu ried jipproteġihom mill-aħjar li jista’, u hekk għamel. Fil-familja tagħna ukoll hemm min jieħu ħsiebna u jipproteġina. Din il-familja tagħna, tgħinna nikbru u niżviluppaw it-talenti tagħna. Imma minbarra din il-familja, aħna membri ta’ familja ħafna akbar. Meta tgħammidna, aħna sirna parti mill-familja ta’ Alla. Din il-familja kbira tieħu ħsiebna ukoll u tgħinna biex insiru nsara aħjar. Min huma dawk in-nies (fil-familja ta’ Alla) li lilek jgħinnuk biex issir nisrani aħjar?  

Alla kellem lil Ġużeppi f’ħolma. Lilna jkellimna Alla? Kif ikellimna? 

Illum il-festa tal-Familja Mqaddsa. Mhijiex il-festa tal-Familja Perfetta, għax qdusija ma tfissirx perfezzjoni. Li tkun qaddis tfisser li ssir taf lil Alla u tafda fih, tħalli lil Alla jmexxik, meta tieħu deċiżjoni taħseb dwar Alla x’jixtieqek tiddeċiedi. L-ewwel pass għalhekk huwa li nsiru nafu aktar lil Alla. Dan nagħmluh fost l-oħrajn, permezz ta’ qari tal-Bibbja, laqgħat ta’ katekeżi, il-quddies, speċjalment l-omelija, ħin ta’ talb, meta ma nitkellmux aħna biss, imma nħallu lil Alla jkellimna wkoll.  

Aħna kollha parti minn familja. Il-familja taqsam ir-reponsabbiltajiet. Min hu responsabbli għal ħaġa u min għal oħra. X’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħek fil-familja? Hemm x’tista’ tagħmel aktar? Meta aħna nagħmlu xi ħaġa għall-familja, inkunu qed nuru l-bqija tal-membri tal-familja kemm inħobbuhom.  

Ipprintja l-istampa tal-Familja Mqaddsa, u fuq wara ikteb talba għall-familja tiegħek. Ftakar irringrazzja lil Alla għal kull persuna fil-familja, itolbu għal xi bżonnijiet li jista’ jkollhom, itlob għall-għaqda u mħabba bejnietkom. Din it-talba tista’ żżommha ħdejn is-sodda tiegħek u titlobha qabel ma torqod. Jista’ jkun hemm żmien meta jkollok bżonn tbiddel jew iżżid ma’ din it-talba. 

Inroddu s-salib

Mulej Alla, inti tixtieq li l-familja tiegħi tkun tixbah lill-Familja Mqaddsa. Għin lil kull wieħed u waħda minna biex napprezzaw lil xulxin, li nħobbu aktar lil xulxin, li nsiru nixbhu lil Ġesù f’dak li ngħidu u nagħmlu.  

Nixtieq nitolbok ukoll biex tipproteġi lil dawk il-familji li bħall-Familja Mqaddsa qegħdin fil-periklu, dawk il-familji li jkollhom jitilqu mid-djar tagħhom biex imorru f’post li hu aktar sigur. 

Ammen.  

Isma’ God, bless my family.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.