San Luqa

18 t’Ottubru

Luqa kien pagan li kkonverta għall-Kristjaneżmu u sar sieħeb kbir tal-Appostlu San Pawl.  Huwa l-awtur ta’ wieħed mill-Evanġelji u tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli fil-Bibbja.   L-Evanġelju skont San Luqa huwa rakkont ordnat tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu

Fl-Atti tal-Appostli (Kapitli 27-28), huwa stess jgħid li kien preżenti ma’ San Pawl waqt in-nawfraġju f’Malta fis-sena 60 W.K. 

San Luqa huwa l-qaddis protettur tat-tobba, tal-kirurgi u tal-artisti. 

Hu rrappreżentat b’gendus. Dan għaliex l-Vanġelu tiegħu jibda bir-rakkont tal-qassis Żakkarija qed joffri sagrifiċċju fit-tempju.

Huwa biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa li nsibu rakkonti dettaljati dwar it-Twelid u t-tfulija ta’ Ġesù.  Jidher li dawn ir-rakkonti ġejjin mill-perspettiva tal-Madonna!  

Luqa jenfasizza l-imħabba ta’ Kristu lejn dawk li kienu mwarrba mis-soċjetà: il-foqra, il-lebbrużi, il-pagani (dawk li ma kinux Lhud), is-Samaritani (nies li l-Lhud ma kinux jassoċjaw magħhom) u n-nisa, li kienu meqjusa inferjuri f’soċjetà ddominata mill-irġiel. Luqa juri kif Ġesù kien jieħu ħsieb mhux biss lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna għall-bżonnijiet fiżiċi tagħhom, iżda wkoll lil dawk li kienu jixxenqu għall-ħniena u l-maħfra. 

– Iddiskuti mat-tfal: għad għandna nies fis-soċjetà tagħna li huma emarġinati (jiġifieri mwarrba, imżebilħa jew meqjusa bħala inferjuri)? Dan id-djalogu jista’ jitlaq mill-perspettivi sempliċi tat-tfal iż-żgħar (li x’aktarx  jinkludu anke qtates u klieb bla dar!) għal waħda aktar matura ma’ tfal akbar sabiex jirrealizzaw li anke fis-sena 2026 għad hemm nies imwarrba fil-marġini tas-soċjetà; il-foqra, dawk bla dar, nies ta’ razez oħra, immigranti irregolari u persuni bi bżonnijiet speċjali, kemm fiżiċi kif ukoll mentali.

– Ħallihom jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar x’jista’ jkun il-kontribut pożittiv tagħhom fi ħdan iċ-ċrieki immedjati tagħhom u lil hinn minnhom. L-Evanġelju ta’ San Luqa naqraw ħafna parabboli sbieħ, bl-aktar magħrufa huma tas-Samaritan it-Tajjeb (Luqa 10: 29-37) u tal-Iben il-Ħali (Luqa 15: 11-32). Luqa bbaża r-rakkonti tal-mirakli fuq manifestazzjoni tal-fidi.  Eżempji ta’ dawn huma meta Ġesù kkalma l-maltempata (Luqa 8: 25) u meta Ġesù fejjaq il-lebbrużi (Luqa 17: 19). Tista’ tħeġġeġ lit-tfal biex ipinġu waħda minn dawn l-istejjer u jżidulha kitba qasira tal-għażla tagħhom.

Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jiffoka fuq kif il-Knisja kibret fid-dinja. F’dan il-ktieb naqraw dwar il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli u l-ħidma tal-Appostli, b’mod partikolari dik ta’ San Pawl. Luqa ltaqa’ ma’ San Pawl u akkumpanjah fil-vjaġġ tiegħu lejn Ruma meta seħħ in-nawfraġju f’Malta. Dan l-episodju naqrawh f’Kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli.  Pawlu dam Malta għal ftit taż-żmien, u sakemm dam hawn xandar l-Aħbar it-Tajba lill-nies tagħna u għamel xi mirakli. Minħabba f’hekk, il-Maltin saru nsara u bdew jemmnu f’Ġesù. B’hekk, il-poplu Malti sar Kristjan u emmen fi Kristu.

San Pawl jirreferi għal Luqa bħala t-“Tabib għażiż” (Kolossin 4: 14). Luqa jibqa’ magħruf għall-attenzjoni li kien jagħti lill-bżonnijiet fiżiċi tal-oħrajn għalhekk huwa l-Qaddis Patrun tat-tobba.

Luqa kien missjunarju li vvjaġġa ħafna ma’ San Pawl.  Aħna wkoll nistgħu nkunu missjunarji u nwasslu l-Kelma ta’ Alla lill-oħrajn.

Aħna nxandru l-messaġġ tal-Evanġelju:

  1. meta permezz tal-imġiba tagħna nħobbu lin-nies bil-mod kif iħobb Alla,
  2. meta nkunu ġenerużi u ngħinu lill-oħrajn,
  3. meta nsellmu lill-oħrajn (mhux biss lill-ħbieb tagħna!),  
  4. meta nkunu lesti naħfru u nitolbu maħfra
  5. meta ma nibżgħux nesprimu l-fehmiet Insara tagħna mal-oħrajn.

Dawn kollha huma modi ta’ kif nistgħu nxandru l-Kelma t’Alla.

Ħeġġeġ lit-tfal biex isemmu eżempji mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Ħin tat-talb mal-Familja:

Ħallu ftit ħin biex tapprezzaw il-fatt li Ġesù bierek lil dawk li, bħal Luqa, emmnu minkejja li “ma rawx” – Il-qawmien ta’ Ġesù mill-Imwiet (Ġwanni 20, 29). Ħeġġu lit-tfal biex jagħmlu stqarrija tal-fidi personali. Eż. “Ġesù, jien nemmen fik; nemmen li batejt u miett għalina; nemmen li qomt mill-mewt…”

Offru talb ta’ radd il-ħajr għall-ħidma tat-tobba u l-infermiera li jieħdu ħsieb il-morda f’diversi sitwazzjonijiet. Nitolbu l-interċessjoni ta’ San Luqa biex imexxihom u jipproteġihom fil-ħidma tagħhom.

San Luqa kiteb wieħed mill-Evangelji u anke l-Atti tal-Appostli. Ħu ħadem ħafna ma’ San Pawl. Filfatt, kien miegħu huma u sejrin Ruma meta l-bastiment li kienu fuqu nkalja mal-ġżejjer Maltin. San Luqa hu l-qaddis patrun tat-tobba u tal-artisti.

Illum se nagħmlu ftit riċerka!

Din il-ġimgħa se nitgħallmu aktar dwar San Luqa. Jekk tixtieq, aqsam dak li ssib ma’ sħabek fl-iskola jew fiċ-ċentru tal-katekiżmu. Dawn huma ftit ideat ta’ x’tista’ tfittex:

  • X’inhu l-annimal li naraw fl-istampi ta’ San Luqa?
  • Għaliex?
  • Semmi żewġ affarijiet li nsibu biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa.
  • X’kien jaħdem San Luqa?
  • Ikteb 4 fatti dwar l-Evanġelju ta’ San Luqa.

Jekk trid, tista’ wkoll tpinġi din l-istampa ta’ San Luqa. Tinsiex tieħu ritratt tat-tpinġija u tibgħathielna biex intellgħuha fuq is-sit!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.