Ċentigradi ta’ mħabba

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba lejn il-proxxmu tagħna

L-akbar kmandament għal Ġesù huwa l-Imħabba. Xejn ma jista’ jkun iktar importanti milli tħobb lil Alla fuq kollox u tħobb lill-oħrajn bħalma tħobb lilek nnifsek. Dan il-kmandament joffrilna sfida kbira għaliex għakemm jista’ jkun faċli li bil-kliem ngħidu li aħna nħobbu lil Alla imma kemm verament inħobbuh bil-fatti? 

Nistgħu nkejlu kemm hi kbira l-imħabba tagħna lejn Alla billi nagħrfu kemm inħobbu bil-fatti lill-proxxmu tagħna. Il-proxxmu ma jinkludix biss lin-nies li nafu u li nħobbu imma lil kulħadd.  Jinkludi dawk ta’ razez, reliġjonijiet jew familji differenti minn tagħna, inkluż dawk li diffiċli biex nuruhom imħabba.

l-prayer space li ser nagħmlu llum jisimha Ċentigradi ta’ mħabba u għaliha għandna bżonn:

  • Karta  forma ta’ termometru.
  • Biro jew markers

Ħu ftit ħin biex taħseb meta inti ħabbejt mingħajr ma stennejt xejn lura jiġifieri wkoll lejn dawk li weġġgħu lilek jew lil xi ħadd għażiż għalik.

Pawża.

Aħseb fl-inqas persuna li tħobb u fuq il-karta forma ta’ termometru mmarka kemm taħseb li tħobb lil din il-persuna. Wara, ħares lejn il-marka tiegħek.  Din il-marka turi kemm inti fil-verità tħobb lil Alla.

Issa kompli billi titkellem ma’ Alla dwar iċ-ċentigradi ta’ mħabba li qed tagħti lil Alla waqt li tkun qed tħobb lill-proxxmu tiegħek. 

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.