Sant’Andrija

30 ta' Novembru

Sant’Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn ġieli mar Ġesù.

Sant’Andrija kien wieħed mit-tnax-il appostlu msejħin minn Ġesù nnifsu. Il-missjoni speċjali tal-appostli kienet li jibnu l-pedament tal-fidi Nisranija bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Il-ħdax l-oħra kienu: Pietru, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Ġuda Taddew, Bartilmew, Tumas, Ġakbu ż-Żgħir, Mattew, Xmun u Ġuda l-Iskarjota (li minfloku daħal Mattija).

Bil-Grieg, l-isem Andrija għandha konnotazzjoni mal-kelma ‘kuraġġ’ u ‘fih raġel’. Indri jidher li kien jaf imur tajjeb man-nies u kien raġel li jieħu azzjoni. Hu flimkien ma’ ħuh Pietru kienu l-ewwel segwaċi ta’ Ġesù.  Kien magħruf bħala “l-Ewwel Appostlu li kien msejjaħ”, hekk kif wieġeb mill-ewwel għas-sejħa ta’ Ġesù: “Imxi warajja”. Kien ukoll l-ewwel dixxiplu li sejjaħ lil Ġesù “il-Messija”.

Qabel ma beda jimxi wara Ġesù, hu kien dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista, sakemm Ġwanni l-Battista stess wera lil Ġesù bħala l-Bniedem li kellhom jimxu warajh.

Fl-Evanġejlu, wieħed isib siltiet fejn Andrija (Indrì) jissemma b’ismu:

•         Is-sejħa ta’ Indrì u Xmun Pietru (Ġw. 1, 35-42)

•         Ir-rwol ta’ Indrì fil-miraklu tat-tkattir tal-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet (Ġw. 6, 8-9).

Indrì u Filippu wasslu għadd ta’ Griegi biex ikellmu lil Ġesù – tista’ tfittex dawn l-episodji fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jew f’Bibbja għat-tfal. Indrì kien dixxiplu li mexa wara Ġesù għall-bqija ta’ ħajtu. Tkun dixxiplu  ta’ Ġesù Kristu tfisser li tkun segwaċi dedikat li tfittex li ssir jaf lil Ġesù, tobdih u timitah fil-ħajja ta’ kuljum.

Wara l-mewt ta’ Ġesù, Sant’Andrija mar jipprietka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja. Sofra l-martirju, fil-Ġreċja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.

Sant’Andrija hu l-qaddis Patrun tal-Iskozja, tar-Russja, tal-Ġreċja, tar-Rumanija, tal-Ukrajna u tas-sajjieda.

Iddiskuti mat-tfal: 

  • Aħna dixxipli ta’ Ġesù?
  • Ġesù lilna sejħilna?

Ma nistgħux insegwu lil Ġesù fiżikament fit-triq iżda ġejna msejħin biex nimxu warajh meta tgħammidna. Tajjeb li t-tfal ifittxu ritratti ta’ meta tgħammdu. Għinhom jibqgħu jiftakru d-data tal-Magħmudija bħalma jiftakru d-data tat-twelid tagħhom.

  • Ġesù għadu jistedinna biex inkunu dixxipli tiegħU, biex nimxu warajH, biex inkunu bħalu.
  • Ġesù għadu jistedinna biex “Immorru u Naraw” bħalma qal lil Indri, kull meta jsejħilna biex inħobbu, waqt li ilħna oħra fina jgħidulna nkunu mod ieħor.  
  • Ma nistgħux nimxu wara Ġesù jekk ma nsirux nafuH.

Kif insiru nafu lil Ġesù?

  • Għin lit-tfal jaslu għall-konkluzjoni li Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni jgħidulna ħafna affarijiet dwar Ġesù.
  • Din tista tkun opportunità biex tibda “mumenti fejn niltaqgħu ma’ Ġesù”.
  • Agħżel xi parabbola, miraklu, xi ġrajja mill-Vanġelu. Irrakkontaha, u fittixha fil-Bibbja tat-Tfal bl-istampi jew għat-tfal akbar, aqraha flimkien magħhom.

Uza ftit ħin biex tirriflettu flimkien il-kwalitajiet ta’ Ġesù li jidhru f’dan l-episodju ….. x’kienu jagħmlu huma kieku kienu hemm…… x’jaħsbu li kien il-messaġġ ta’ Kristu għalina llum bħala dixxipli tiegħU.

Indri, bħall-appostli l-oħra kollha, wara li kien imsaħħaħ mill-Ispirtu s-Santu, kien mimli entużjażmu biex jgħid lil kulħadd dwar Ġesù.  Dik kienet il-missjoni tiegħu bħala dixxiplu. U hekk għamel. Dan hu li jagħmlu l-missjunarji llum il-ġurnata.  Huwa ġew imsejħin għal missjoni speċjali: li jxerrdu l-Kelma ta’ Alla fost nies li għadhom ma semgħux b’Ġesù Kristu.

Iżda Alla għandu missjoni wkoll għal kull wieħed u waħda minna. Aħna msejħin biex inkunu d-dixxipli Tiegħu, bil-missjoni li naqsmu l-imħabba ta’ Alla mal-oħrajn. Dan jissejjaħ EVANĠELIZZAZZJONI.

Imma aħna kif nistgħu nagħmlu dan? 

  • Billi nersqu viċin Ġesù permezz tal-Ewkaristija (Il-Quddiesa u t-Tqarbin), kif ukoll billi ningħaqdu fis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa u t-Tqarbina tax-Xewqa, meta ma jkunx possibbli għalina li nkunu preżenti għall-quddiesa.  
  • Nistgħu nagħmlu dan ukoll bil-mod kif aħna nġibu ruħna kull fejn inkunu.
  • Ta’ min jinvolvi lit-tfal il-kbar biex flimkien miegħek ifittxu kwotazzjonijiet Kristjani li int tista’ xxerred fuq l-Internet.
  • Ħeġġeġ lit-tfal biex ikunu attivi billi jipparteċipaw f’diskussjonijiet l-iskola, fi gruppi parrokkjali għal dawk li qed joqorbu lejn l-adoloxxenza, u biex ma joqogħdux lura milli jressqu ideat li jippromovu l-imħabba ta’ Alla fil-fidi Nisranija.

Ejja niftakru li, bħala ġenituri u kustodji, għandna l-opportunità li nibnu l-pedamenti tad-dixxipulat u tal-missjoni tal-evanġelizzazzjoni fil-ħajja ta’ wliedna, sabiex ma jikbrux u jsiru “Insara ta’ kafkaf”.

Dan is-sajjied, ħu San Pietru, kien l-ewwel Appostlu li kien imsejjaħ biex jimxi wara Ġesù! Fil-fatt, l-isem ‘Andrija’ bil-Grieġ ifisser “l-ewwel imsejjaħ”.

Din il-ġimgħa nagħmlu bħal Sant’Andrija u nippruvaw naħsbu modi differenti ta’ kif nistgħu nimxu wara Ġesù

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.