
Marija de Rosa twieldet Brescia fl-Italja, fl-1813. Mal-ewwel wieħed jaħseb li din it-tifla kellu jkollha l-ġmiel ta’ ħajja quddiemha. Missierha kien industrijalist u ommha kontessa. Hija kienet edukata flimkien ma’ ħutha l-oħra l-bniet mis-sorijiet fl-istess belt.
Imma meta kellha biss ħdax-il sena tilfet lil ommha b’marda terminali. Hi kellha titlaq mill-iskola biex tgħin lil missierha fl-Industrija tal-insiġ.
Sa mill-bidu, hi bdiet tieħu l-akbar interess fil-ġid tal-ħaddiema, speċjalment in-nisa u dawk li kienu jsofru mill-faqar u l-mard. Il-ħajja tagħha meta kienet żagħżugħa kienet mimlija inkwiet u taħwid. Meta kellha biss 23 sena faqqgħet epidemja tal-kolera. Il-kolera hija marda serja li tinxtered permezz tal-ilma kkontaminat. Kienet toqtol lil min jixorbu wara ftit siegħat.
Imbagħad fl-1848 Brescia għaddiet minn gwerra kiefra magħrufa fl-istorja bħala “L-għaxart ijiem ta’ Brescia”. It-truppi attakkaw il-belt, ħafna minn nies ġew maqtula u kollox ġie misruq. Marija mill-ewwel telqet il-kumdità ta’ darha u marret tgħin sew spiritwalment kif ukoll moralment lil dawk milquta mill-kolera kif ukoll fuq il-kamp tal-battalja.
Eventwalment bdiet kongregazzjoni ta’ sorijiet, magħrufa bħala l-Qaddejja tal-Karità biex jieħdu ħsieb il-morda, dawk li qed isofru u lill-fqar. Marija de Rosa kienet pijuniera fil-kamp soċjali.
Wara li għaddiet ħajjitha tati servizz lill-proxxmu, hi mietet fi Brescia fil-15 ta’ Diċembru, 1855 u kellha 42 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn San Piju XII fil 1954.
Illum ix-xogħol soċjali jitqies bħala professjoni. L-għan hu li tgħin lil min ikun qed ibati jifhem id-diffikultajiet li għaddej minnhom u li tgħinu jġib ̛l quddiem is-sitwazzjoni tiegħu. Illum ħafna żgħażagħ li jinteressaw ruħhom f’dan ix-xogħol qed imorru jistudjaw l-Università biex isiru social workers.
Din il-mara għanja għenet u serviet lill-foqra, lil dawk fil-bżonn u lill-morda, anke waqt l-epidemija tal-Kolera li laqtet ħażin ħafna l-belt ta’ Brescia, fl-Italja, fl-1836.
Hi kienet “frontliner” kbira!
