
L-istorja ta’ San Stiefnu tinsab fil-ktieb tal-Atti Tal-Appostli, fil-Kapitli 6 u 7. Hu għex xi ftit snin wara l-mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù. Hu maħsub li kien Lhudi Grieg li kkonverta mit-twemmin Lhudi għall-Kristjaneżmu.
F’dawk is-snin bikrin tal-Knisja, il-Kristjaneżmu ma kienx reliġjon popolari għax il-Lhud kienu jħossu li kien ta’ theddida għal dak kollu li minn dejjem emmnu u pprattikaw. Kien hemm riskju kbir li wieħed jippriedka dwar Ġesù. In-numru ta’ Kristjani kompla jikber u fforma komunità mimlija mħabba li kienet tieħu ħsieb il-foqra u r-romol, speċjalment billi tipprovdilhom l-ikel.
Stiefnu ntgħażel bħala wieħed mis-seba’ djakni nkarigati li jorganizzaw u jqassmu l-ikel lir-romol Griegi. Barra minn hekk, kien ukoll predikatur tajjeb. In-nies kienu jmorru warajh biex jisimgħuh jitkellem dwar Ġesù u t-tagħlim Tiegħu, kif ukoll dwar il-Mewt u l-Qawmien Tiegħu. Il-mexxejja Lhud qalu l-gideb dwaru; ħaduh għall-proċess u akkużawh bi blasfemija. Stephen baqa’ sod u akkużahom li kienu huma l-kawża tal-mewt ta’ Ġesù. Huma mxew mal-liġi Lhudija u kkundannawh għall-mewt billi ħaġġruh.
Hu sar l-ewwel martri Nisrani meta kellu madwar tletin sena. Il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Stiefnu ġurnata wara l-Milied. Hija ċelebrazzjoni li tfakkar lil San Stiefnu, li offra ħajtu bħala xhud, billi żamm sod ma’ dak li kien jemmen fih: li dik it-tarbija speċjali fil-maxtura kienet l-Iben ta’ Alla li sar Bniedem għas-salvazzjoni tagħna.
San Stiefnu kien magħżul bħala wieħed mis-seba’ djakni. Hu ħa riskju kbir biex ixandar il-Kelma ta’ Ġesù. Stiefnu sar l-ewwel martri fil-Knisja.
