
Sant’Anton għex bejn is-snin 251 u 360 W.K. Hu twieled f’Koma, fl-Eġittu ta’ fuq. Kien ġej minn familja nisranija u trabba żagħżugħ mimli rispett u ubbidjenza. Hu u oħtu wirtu ġid kbir wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom. Kellu biss wieħed u għoxrin sena.
Kien proprju f’dak iż-żmien, waqt ċelebrazzjoni fil-knisja, li laqtitu ħafna sentenza mill-Evanġelju ta’ San Mattew (Mt 19:21): “Jekk trid tkun perfett, mur biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Dik is-sentenza wasslitu biex ibiddel ħajtu.
U hekk għamel. Biegħ dak kollu li kellu, ta l-flus lill-foqra u daħħal lil oħtu f’kunvent biex in-nisa twajba li kienu jgħixu hemm jieħdu ħsiebha. Telaq mill-belt u mar jgħix f’għarix; kien jgħix minn dak li kien jaqla’ billi jagħmel it-twapet. Aktar tard mar fid-deżert, fejn għadda l-bqija ta’ ħajtu fis-solitudni. Sar magħruf bħala wieħed mill-Missirijiet tad-Deżert, hekk kif persuni qaddisa oħra mxew fuq il-passi tiegħu biex jgħixu ħajja solitarja fid-deżert.
Ħajtu fid-deżert kienet ikkaratterizzata mill-penitenzi, is-sagrifiċċju, it-talb kontinwu fis-silenzju u l-kontemplazzjoni. Madankollu, bata ħafna minħabba t-tentazzjonijiet qawwija li kienu jinvolvu dubji dwar jekk kienx qed jagħmel it-tajjeb f’ħajtu, kif ukoll minħabba l-isforzi tiegħu biex iżomm qalbu safja.
Minkejja dan, hu ħalla d-deżert darbtejn għal xi żmien qasir: l-ewwel darba biex jagħmel kuraġġ lill-insara li dak iż-żmien kienu qed jiġu ppersegwitati, u mbagħad biex jippriedka kontra grupp ta’ nies – magħrufa bħala eretiċi – li kienu qed ixerrdu Duttrina żbaljata dwar Ġesù Kristu. Sant’Anton Abbati spiss jiġi rappreżentat b’ħanżir fejn saqajh. Jingħad li kien akkumpanjat minn ħanżir li kien salva u fejjaq. Hu magħruf bħala l-protettur tal-annimali domestiċi. F’xi parroċċi, f’dan il-jum, in-nies jieħdu l-annimali tagħhom għand il-Kappillan biex iberikhom.
Il-ġenituri ta’ Sant’Anton mietu meta kien żagħżugħ. Hu kellu jieħu ħsieb lil oħtu ż-żgħira. Ħassu megħlub mis-sitwazzjoni, u għalhekk dar lejn Alla u offra ħajtu lilu. Hu ta dak kollu li kellu lill-foqra u beda jgħix ħajtu bħala eremita, fid-deżert. Kien ispirat mill-Evanġelju ta’ San Mattew (Mt 19:21).
