
San Ġwann Bosco twieled qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja, fl-1815, minn familja fqira. Missieru miet meta kellu sentejn, iżda ommu minkejja ħafna diffikultajiet, edukatu.
Il-kobor u l-qdusija ta’ Dun Bosco kienu ġejjin mill-kariżma tiegħu, li kienet tiġbed lejh tant nies, speċjalment iż-żgħażagħ, għax hu kien ‘juri l-imħabba ta’ Alla’.
Fiż-żmien Dun Bosco, ħafna subien, il-biċċa l-kbira tagħhom orfni, kienu jiġru mat-toroq. Kienu foqra, bil-ġuħ u bla edukazzjoni. Spiss kienu jirrikorru għas-serq, jidħlu fi ġlied, jitkellmu ħażin u jweġġgħu lil xulxin f’mumenti ta’ vjolenza, biex imbagħad jispiċċaw il-ħabs.
Kien proprju għal dawn is-subien li kienu jgħixu fit-toroq li Dun Bosco ddedika l-missjoni tiegħu u ħajtu. Hu beda jiltaqa’ magħhom kull nhar ta’ Ħadd filgħodu f’tip ta’ skola, fejn ħoloq opportunità biex jgħallimhom il-Fidi Nisranija. Kien iqatta’ l-ħin jitlob u jilgħab magħhom. Bil-mod il-mod ħoloq Ċentru għaż-Żgħażagħ, u aktar tard, dar ta’ residenza u Oratorju.
Omm Don Bosco li b’imħabba kienu jsejħulha “Mamma Bosco” jew “Mamma Margerita”, kienet tgħinu ħafna fil-missjoni tiegħu. Kienet taqdi lis-subien fil-bżonnijiet tagħhom. Hija kienet tħaddan rwol ta’ omm fl-Oratorju, fejn il-preżenza materna tagħna kienet toffri appoġġ psikoloġiku lis-subien.
San Ġwann Bosco, flimkien ma’ 17-il raġel ieħor, waqqaf is-Salesjani taħt il-patroċinju ta’ San Franġisk ta’ Sales – li minnu ħadu isimhom. Is-Salesjani fetħu skejjel li kienu jħejju lis-subien għas-Seminarju, skejjel ta’ filgħaxija għall-ħaddiema, u skejjel tekniċi, waqqfu stamperiji u saħansitra bnew sptarijiet. Don Bosco waqqaf ukoll is-Sorijiet Salesjani biex iwettqu missjoni simili fost il-bniet.
Is-Salesjani bdew il-missjoni tagħhom anke hawn Malta fl-1903 u din għadha għaddejja sal-lum!
Billi kien ġej minn familja fqira u kien orfni hu stess, San Ġwann Bosco kellu jaħdem ħafna biex jasal fejn xtaq, dak li jsir saċerdot. Meta beda l-missjoni tiegħu fost iż-żgħażagħ tat-triq, iltaqa’ ma’ bosta diffikultajiet. Iżda San Ġwann Bosco qatt ma qata’ qalbu. Hu baqa’ sod fil-ħidma tiegħu u ppersevera biex iwettaq il-missjoni tiegħu.
San Ġwann Bosco, magħruf aħjar bħala Don Bsoco, kien qassis Taljan. Hu ddedika ħajtu kollha biex jgħin tfal foqra u mwarrba. Kien jemmen fit-tagħlim bl-imħabba u l-qalb tajba minflok bil-kastig.
