San Ġwann Bosco

31 ta' Jannar

San Ġwann Bosco twieled qrib il-belt ta’ Turin, fl-Italja, fl-1815, minn familja fqira. Missieru miet meta kellu sentejn, iżda ommu minkejja ħafna diffikultajiet, edukatu.

Il-kobor u l-qdusija ta’ Dun Bosco kienu ġejjin mill-kariżma tiegħu, li kienet tiġbed lejh tant nies, speċjalment iż-żgħażagħ, għax hu kien ‘juri l-imħabba ta’ Alla’.

Fiż-żmien Dun Bosco, ħafna subien, il-biċċa l-kbira tagħhom orfni, kienu jiġru mat-toroq. Kienu foqra, bil-ġuħ u bla edukazzjoni. Spiss kienu jirrikorru għas-serq, jidħlu fi ġlied, jitkellmu ħażin u jweġġgħu lil xulxin f’mumenti ta’ vjolenza, biex imbagħad jispiċċaw il-ħabs.

Kien proprju għal dawn is-subien li kienu jgħixu fit-toroq li Dun Bosco ddedika l-missjoni tiegħu u ħajtu. Hu beda jiltaqa’ magħhom kull nhar ta’ Ħadd filgħodu f’tip ta’ skola, fejn ħoloq opportunità biex jgħallimhom il-Fidi Nisranija. Kien iqatta’ l-ħin jitlob u jilgħab magħhom. Bil-mod il-mod ħoloq Ċentru għaż-Żgħażagħ, u aktar tard, dar ta’ residenza u Oratorju.

Omm Don Bosco li b’imħabba kienu jsejħulha “Mamma Bosco” jew “Mamma Margerita”, kienet tgħinu ħafna fil-missjoni tiegħu. Kienet taqdi lis-subien fil-bżonnijiet tagħhom. Hija kienet tħaddan rwol ta’ omm fl-Oratorju, fejn il-preżenza materna tagħna kienet toffri appoġġ psikoloġiku lis-subien.

San Ġwann Bosco, flimkien ma’ 17-il raġel ieħor, waqqaf is-Salesjani taħt il-patroċinju ta’ San Franġisk ta’ Sales – li minnu ħadu isimhom. Is-Salesjani fetħu skejjel li kienu jħejju lis-subien għas-Seminarju, skejjel ta’ filgħaxija għall-ħaddiema, u skejjel tekniċi,  waqqfu stamperiji u saħansitra bnew sptarijiet. Don Bosco waqqaf ukoll is-Sorijiet Salesjani biex iwettqu missjoni simili fost il-bniet.

Is-Salesjani bdew il-missjoni tagħhom anke hawn Malta fl-1903 u din għadha għaddejja sal-lum!

Billi kien ġej minn familja fqira u kien orfni hu stess, San Ġwann Bosco kellu jaħdem ħafna biex jasal fejn xtaq, dak li jsir saċerdot. Meta beda l-missjoni tiegħu fost iż-żgħażagħ tat-triq, iltaqa’ ma’ bosta diffikultajiet. Iżda San Ġwann Bosco qatt ma qata’ qalbu. Hu baqa’ sod fil-ħidma tiegħu u ppersevera biex iwettaq il-missjoni tiegħu.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Il-perseveranza hija virtù li t-tfal jeħtieġ li jiżviluppaw biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi, għax malli jikbru, se jsibu li l-ħajja mimlija sfidi.

Iddiskuti mat-tfal sitwazzjonijiet li taf bihom fejn jeħtieġ li jiġu mħeġġa, fejn jeħtieġ li jkollhom aktar fiduċja fihom infushom, u fejn jeħtieġ li juru perseveranza: 

  • Xogħol tal-iskola
  • attivitajiet sportivi
  • anke fejn jirbħu jew jitilfu waqt li jilagħbu xi logħba.

Biex inkabbru fina l-virtù tal-perseveranza jiddependi ħafna minna, l-adulti!

Il-messaġġi li nwasslu lit-tfal tagħna għandhom iwasslu l-idea li l-iżbalji huma opportunitajiet biex nitgħallmu, sabiex ma jaqtgħux qalbhom quddiem id-diffikultajiet.

San Ġwann Bosco kien jemmen li l-missjoni tiegħu kellha tkun ibbażata fuq l-imħabba biex issolvi l-konflitti u tbiegħed iż-żgħażagħ mill-vjolenza.  Il-vjolenza mhux bilfors tfisser abbuż fiziku. Tista’ tkun bil-kliem jew emozzjonalment.  It-tnejn li huma jistgħu jagħmlu ħsara bl-istess mod.

Iddiskuti mat-tfal kif ħassewhom meta ġġieldu, jew kellhom xi argument jaħraq mal-ħbieb, mal-ġenituri jew membri oħra tal-familja.

Kif ħassewhom? X’għamlu? Kif ħassewhom wara?

Meta u kif kienu jqisu lilhom infushom bħala ‘dawk li jġibu l-paċi’ jew ‘dawk li jiksru l-paċi’?

Iddiskuti l-ħiliet bażiċi biex tirranġa xi kunflitt: 

  1. Ieqaf u aħseb qabel ma tagħmel xi ħaġa.
  2. Uża messaġġi fejn turi x’inti tħoss bħal “Inħossni mweġġa’ meta…” 
  3. Tkellem biex issib soluzzjoni jew kompromess.
  4. Itlob skuża jekk ikun hemm bżonn.

Meta aħna l-kbar inkunu nvoluti f’xi kunflitt u jkollna bżonn nikkoreġu, tajjeb li nagħmlu dan fil-privat meta aħna t-tnejn inkunu kkalmajna. Tajjeb ukoll li nispiċċaw b’kelma ta’ nkuraġġiment u fi spirtu ta’ mħabba.

Ħin tat-Talb mal-Familja: 

Ejja nirringrazzjaw lil Alla:

  • li tana għalliema u katekisti li jiddedikaw il-ħin tagħhom biex iħejju ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal tagħna
  • kif ukoll lil tant nies ġenerużi li adottaw tfal jew ħaduhom taħt il-kura tagħhom u jieħdu ħsiebhom b’tant imħabba.
  • Nitolbu lil Alla biex juri t-triq it-tajba lil dawk li tbiegħdu minnU. Nitolbu wkoll lil Marija biex tgħinna nimxu wara Ġesù bil-ferħ!

Bħalma kien jgħid San Ġwann Bosco, ejjew nagħmlu ħilitna mill-aħjar li nistgħu biex naqdu d-doveri tagħna fid-dar, fl-iskola, waqt ix-xogħol u waqt il-logħob biex ‘naqdu lill-Mulej bil-ferħ’.   

San Ġwann Bosco, magħruf aħjar bħala Don Bsoco, kien qassis Taljan.  Hu ddedika ħajtu kollha biex jgħin tfal foqra u mwarrba. Kien jemmen fit-tagħlim bl-imħabba u l-qalb tajba minflok bil-kastig.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Ejjew naraw dan il-film dwar il-ħajja ta’ San Ġwann Bosco.

Inħobbu u nieħdu ħsieb xulxin!

Aqbad ftit karti u ikteb messaġġi differenti fejn turi li tħobb, tgħin u titlob għall-oħrajn. Qassam dawn ma’ sħabek l-iskola, mal-familja u ma’ dawk li huma weħidhom. Dawn l-azzjonijiet iż-żgħar jistgħu jagħmlu lill-oħrajn kuntenti!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.