Sant’Agata

5 ta' Frar

Agata twieldet bejn is-snin 231 u 235 W.K. f’Katanja, fi Sqallija. Il-familja tagħha kienet familja nobbli, għanja u rispettata. Kienet tfajla mill-isbaħ b’mod naturali, l-irġiel kienu jfittxuha biex jiżżewġuha. Madankollu, minn età żgħira, hi kienet iddeċidiet li tagħti mħabbitha lil Ġesù biss.   Xtaqet tgħaddi ħajjitha kollha fit-talb u tgħin lil ħaddieħor. 

Dak iż-żmien, l-Imperatur Deċju kien ordna li l-poplu kollu tal-Imperu Ruman kellu joffri sagrifiċċji lill-allat Rumani. Il-Insara kienu jiġu mfittxija u ppersegwitati jekk jirrifjutaw li jobdu.

Huwa maħsub li f’dan il-perjodu, Agata u xi wħud mill-ħbieb tagħha ħarbu minn Sqallija biex ifittxu kenn f’Malta. Hija qattgħet iż-żmien qasir li damet hawn, f’kripta, fejn kienet titlob u tgħallem lit-tfal dwar Ġesù u l-fidi. Iżda wara ftit żmien, Agata ħasset li kellha tagħti xhieda tal-fidi tagħha f’pajjiżha stess.

Malli rritornat fi Sqallija, Kwintjanu, uffiċjal għoli fl-Imperu Ruman, ġiegħel lil Agata tiċħad il-fidi Nisranija tagħha u tiżżewġu. Agata baqgħet soda. Hija mhux biss ġiet mitfugħa l-ħabs, iżda ġiet ukoll suġġetta għal torturi u trattamenti degradanti tal-biża’, li mhux biss immutilaw ġisimha iżda wkoll umiljawha bħala mara.

Hi mietet il-ħabs, ftit sigħat wara l-aħħar darba li ġiet ittorturata.

Santa Agata hija waħda mill-Qaddisin Patruni ta’ Malta u l-Qaddisa Patruna ta’ Sqallija.

Id-Dar Ġenerali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fir-Rabat, hi ddedikata lil Santa Agata, u l-katakombi li hemm taħtha msemmi għaliha.

Il-qaddisin tal-Knisja huma kkunsidrati bħala eroj minħabba l-kuraġġ tagħhom. Il-martri huma ammirati għall-kuraġġ tagħhom fil-martirju, qaddisin oħra huma ammirati għall-kuraġġ tagħhom għax żammew sod fl-imħabba tagħhom lejn Alla minkejja l-inkwiet li kien iżommhom lura. Il-qaddisin kollha komplew bil-kuraġġ tagħhom għax huma kellhom lil Kristu f’qalbhom.  Ma nistgħux nitgħallmu l-kuraġġ minn xi ktieb! Huwa proċess li jiġi bil-mod il-mod. Tajjeb li nħallu lit-tfal tagħna jkollhom kunfidenza fihom infushom biex jieħdu riskji li ma jġibux ħsara. Bl-għajnuna tagħna dan iġib kuraġġ morali li jagħmilhom qawwija biex ikunu b’saħħithom ħalli jiġġieldu għal dak li hu tajjeb u għal dak li jemmnu fih.

Oħloq opportunità li tisma’ l-opinjoni tat-tfal dwar xi tfisser għalihom li jkollhom il-kuraġġ u li jkunu kuraġġużi.

Ħallihom jagħtu eżempji ta’ nies kuraġġużi li saru jafu bihom mill-Bibbja, mill-istejjer favoriti tagħhom jew saħansitra minn nies li jafu.

  • Iddiskuti magħhom xi tfisser għalihom li jkunu kuraġġużi u inkuraġġihom jitkellmu dwar sitwazzjonijiet fejn ħassew li kellhom kellhom juru kuraġġ. Ejja nagħrfu s-sitwazzjonijiet fejn it-tfal juru kuraġġ – anke f’kisbiet li nistgħu nqisu bħala insinifikanti – u nagħrfu dan il-fatt magħhom.

Is-saħħa tagħhom se tkompli tiżviluppa u maż-żmien tinbidel f’kuraġġ biex tgħinhom ikomplu jitħabtu għal dak li hu sewwa. L-atti vjolenti ta’ tortura li għalihom kienet soġġetta Santa Agata ma kellhomx biss l-għan li jikkawżawlha t-tbatija, iżda wkoll li jgħajruha u jbaxxuha.

Tajjeb li nfittxu okkażżjonijiet biex nagħtu lit-tfal messaġġ li aħna maħluqin xbieha t’Alla, allura kulħadd jistħoqqlu rispett.

Fil-ħajja tat-tfal, il-vjolenza hija murija f’aggressività. Urihom eżempji mill-ħajja tagħhom fejn huma jsiru aggressivi meta ma tgħaddix tagħhom. Tajjeb li tevalwa magħhom kif tista’ tikkalma u tikkontrolla r-rabja. Għallimhom id-differenza bejn li tkun aggressiv u assertiv ħalli jindunaw kif jistgħu jgħidu li jħossu mingħajr ma jisplodu. Xi ‘role play’ tista’ tgħin.

  • Kun żgur li taf x’inhuma jaraw it-tfal. Il-messaġġi vjolenti li jaraw fuq il-midja jħallu impatt qawwi fuq l-imħuħ tat-tfal speċjalment meta din l-imġieba vjolenti tintwera bħala xi ħaġa normali u meħtieġa u li l-kriminali jiġu glorifikati bħala eroj.
  • Ipprova evita l-espożizzjoni għal dawn il-messaġġi tal-midja. Jekk it-tfal jiġu esposti għalihom, iddiskuti magħhom alternattivi li jwasslu biex il-kunflitti jiġu solvuti b’mod mhux vjolenti.

Ħin tat-Talb mal-Familja:  Għin lit-tfal jesprimu x’ħassew meta kienu involuti huma stess f’xi argument u jitolbu biex ikollhom il-kuraġġ u l-qawwa f’qalbhom.

Tajjeb li tgħin lit-tfal jagħmlu poster bil-frażi “Kun b’saħħtek, xerred l-imħabba!”

Minn età żgħira ħafna, Agata kkonsagrat ruħha lil Alla. Darba waħda, uffiċjal għoli li kien jismu Kwintjanu, talabha tiżżewwġu. Iżda hi insistiet li kienet diga’ żżewġet lil Ġesù. Ippruvaw jikkonvinċu lil Agata, iżda hi baqgħet soda fid-deċiżjoni tagħha li tiddedika ħajjitha lil Ġesù.

Treasure hunt!

Staqsi lil xi adult biex jaħbi ġugarelli u ħelu madwar id-dar, u fi 15-il minuta trid issibhom. Meta tilgħab dil-lobgħa, tirrealizza li qatt m’għandna naqtgħu qalbna bħal Sant’Agata.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.