
Agata twieldet bejn is-snin 231 u 235 W.K. f’Katanja, fi Sqallija. Il-familja tagħha kienet familja nobbli, għanja u rispettata. Kienet tfajla mill-isbaħ b’mod naturali, l-irġiel kienu jfittxuha biex jiżżewġuha. Madankollu, minn età żgħira, hi kienet iddeċidiet li tagħti mħabbitha lil Ġesù biss. Xtaqet tgħaddi ħajjitha kollha fit-talb u tgħin lil ħaddieħor.
Dak iż-żmien, l-Imperatur Deċju kien ordna li l-poplu kollu tal-Imperu Ruman kellu joffri sagrifiċċji lill-allat Rumani. Il-Insara kienu jiġu mfittxija u ppersegwitati jekk jirrifjutaw li jobdu.
Huwa maħsub li f’dan il-perjodu, Agata u xi wħud mill-ħbieb tagħha ħarbu minn Sqallija biex ifittxu kenn f’Malta. Hija qattgħet iż-żmien qasir li damet hawn, f’kripta, fejn kienet titlob u tgħallem lit-tfal dwar Ġesù u l-fidi. Iżda wara ftit żmien, Agata ħasset li kellha tagħti xhieda tal-fidi tagħha f’pajjiżha stess.
Malli rritornat fi Sqallija, Kwintjanu, uffiċjal għoli fl-Imperu Ruman, ġiegħel lil Agata tiċħad il-fidi Nisranija tagħha u tiżżewġu. Agata baqgħet soda. Hija mhux biss ġiet mitfugħa l-ħabs, iżda ġiet ukoll suġġetta għal torturi u trattamenti degradanti tal-biża’, li mhux biss immutilaw ġisimha iżda wkoll umiljawha bħala mara.
Hi mietet il-ħabs, ftit sigħat wara l-aħħar darba li ġiet ittorturata.
Santa Agata hija waħda mill-Qaddisin Patruni ta’ Malta u l-Qaddisa Patruna ta’ Sqallija.
Id-Dar Ġenerali tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fir-Rabat, hi ddedikata lil Santa Agata, u l-katakombi li hemm taħtha msemmi għaliha.
Il-qaddisin tal-Knisja huma kkunsidrati bħala eroj minħabba l-kuraġġ tagħhom. Il-martri huma ammirati għall-kuraġġ tagħhom fil-martirju, qaddisin oħra huma ammirati għall-kuraġġ tagħhom għax żammew sod fl-imħabba tagħhom lejn Alla minkejja l-inkwiet li kien iżommhom lura. Il-qaddisin kollha komplew bil-kuraġġ tagħhom għax huma kellhom lil Kristu f’qalbhom. Ma nistgħux nitgħallmu l-kuraġġ minn xi ktieb! Huwa proċess li jiġi bil-mod il-mod. Tajjeb li nħallu lit-tfal tagħna jkollhom kunfidenza fihom infushom biex jieħdu riskji li ma jġibux ħsara. Bl-għajnuna tagħna dan iġib kuraġġ morali li jagħmilhom qawwija biex ikunu b’saħħithom ħalli jiġġieldu għal dak li hu tajjeb u għal dak li jemmnu fih.
Minn età żgħira ħafna, Agata kkonsagrat ruħha lil Alla. Darba waħda, uffiċjal għoli li kien jismu Kwintjanu, talabha tiżżewwġu. Iżda hi insistiet li kienet diga’ żżewġet lil Ġesù. Ippruvaw jikkonvinċu lil Agata, iżda hi baqgħet soda fid-deċiżjoni tagħha li tiddedika ħajjitha lil Ġesù.
