
Għall-Maltin, l-10 ta’ Frar hija ġurnata mmarkata fl-istorja tagħna bħala l-bidu ta’ tradizzjoni Nisranija. Kif imniżżel fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, hu maħsub li l-Appostlu San Pawl innifsu kien li wassal il-Kristjaneżmu fil-ġżira Maltija.
Ir-rakkont li nsibu fl-Atti tal-Appostli (Kap 27 vrus 18-38; 28,1-17) jagħti deskrizzjoni ħajja ta’ dan l-avveniment.
San Pawl kien priġunier fi triqtu lejn Ruma biex jiġi ġġudikat hemmhekk, meta waqt maltempata qawwija, il-bastiment tfarrak mal-kosta ta’ Malta. Abbord kien hemm 276 persuna, il-biċċa l-kbira kienu priġunieri bħalu. Dawk kollha li kienu fuq il-vapur kienu tilfu kull tama li jsalvaw ħajjithom iżda Pawlu serħilhom rashom u qalilhom li l-Anġlu ta’ Alla deherlu u assiġurah li ħadd ma kien se jmut, għalkemm il-vapur kien ser jiġġarraf fuq gżira.
Meta kollha rnexxielhom jaslu l-art qawwijin u sħaħ bl-għawm, saru jafu li l-gżira kien jisimha Malta. Il-Maltin ġiebu ruħhom magħhom bi ħlewwa li ma bħalha. Qabbdu ħuġġieġa għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Mela, San Pawl qabad qabda żkuk niexfa u tefagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ idu. Peress li ma ġralu xejn, bdew jgħidu li kien xi alla.
Dak iż-żmien, Publju kien ir-rappreżentant Ruman fil-gżira. Pawlu xandar il-fidi Nisranija fost il-Maltin u fejjaq il-morda fosthom lil missier Publju. Għat-tliet xhur, huwa għex f’għar li għadu magħruf sal-lum bħala l-Għar ta’ San Pawl fir-Rabat. Qabel ma kompla l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma, Pawlu ħatar lil Publju bħala Isqof biex jieħu ħsieb lil dawk li kienu saru nsara.
San Pawl kien qed jittieħed Ruma bħala priġunier, iżda ma kienx kriminal. Hu kien Fariżew li kien jibbaża t-twemmin tiegħu fuq il-Liġi ta’ Mosè, u kien iqis lis-segwaċi ta’ Ġesù bħala theddida għat-twemmin tiegħu. Kollox inbidel meta, fi triqtu lejn Damasku biex jaqbad lill-Insara, meta kellmu Ġesù nnifsu. (Atti 9, 22-26)
Alla żejjen lil Pawlu b’ħafna kwalitajiet sbieħ fil-personalità tiegħu. Hu uża dawn id-doni biex ixerred il-Fidi Nisranija. Kien mexxej kbir u wassal lil ħafna nies, speċjalment lill-Ġentili (dawk li ma kinux Lhud) biex jemmnu f’Ġesù Kristu.
San Pawl hu l-Qaddis Patrun ta’ Malta.
Fl-Atti tal-Appostli, San Pawl kien fi triqtu lejn Ruma ma’ priġunieri oħra meta l-bastiment tiegħu nkalja fuq ix-xtut Maltin minħabba maltempata kbira.
San Pawl ġab il-Fidi Nisranija fil-gżira tagħna.
