Ġieli kontu għaddejjin fil-kampanja qalb l-għelieqi u rajtu xi bidwi jiżra’? Jew forsi mortu l-għalqa tan-nannu u flimkien żrajtu xi żerriegħa?
Ġesù jgħidilna li darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’ u huwa u jiżra, xi żerrigħat waqgħu f’art tajba. Din iż-żerriegħa li waqgħat f’art tajba, tirrappreżenta lil dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla, jaċċettawha u jgħadduha lil ħaddieħor u b’hekk jagħmlu ħafna frott, min ftit u min ħafna.
Il-prayer space li ser nagħmlu jisimha ‘Żerriegħa f’Art Tajba’ u għaliha għandna bżonn: żerriegħa, qasrija, kompost jew ħamrija u ftit ilma.
Ħu qasrija u itfa’ fiha ftit kompost jew ħamrija.
Issa ħu żerriegħa u għalissa żommha ftit f’idejk.
Waqt li qed iżżomha f’idejk aħseb dwar dak li Alla jixtieq jiżra’ f’qalbek u f’ħajtek, bħal per eżempju l-ferħ, il-kuraġġ u l-imħabba.
Issa iżra’ ż-żerriegħa fil-qasrija billi tpoġġiha xi ċentimetru minn wiċċ il-ħamrija, u saqqieha billi titfa’ ftit ilma. Kompli saqqieha kull meta tħossha ftit xotta.
Kull darba li ssaqqi ż-żerriegħa bl-ilma, itlob ’l Alla jgħinek biex tieħu ħsieb iż-Żerriegħa tal-Kelma f’qalbek u f’ħajtek, billi tisma’ l-Kelma t’Alla, tiżra’ fil-qalb tiegħek u twassalha lil ħaddieħor u b’hekk tagħmel ħafna frott.
Talba ta’ filgħodu
Sinjur Alla,
jiena nħobbok b’qalbi kollha.
Grazzi talli ħlaqtni,
talli ħadt ħsiebi matul dan il-lejl.
Illum nixtieq noffrilek it-talb kollu tiegħi,
l-istudju u l-ferħ,
il-logħob u d-dwejjaq.
Agħmel li dak kollu li nagħmel illum
ikun kollu għall-ġid tal-oħrajn u skont dak li tixtieq inti.
Żommni ’l bogħod mill-ħażin u mid-dnub
u nitolbok tibqa’ tieħu ħsiebi u
tieħu ħsieb ukoll lil dawk li nħobb.
Ammen.