Santa Perpetwa u Santa Feliċita

7 ta' Marzu

Il-Qaddisin Perpetwa u Feliċita huma fost il-martri tal-Knisja Nisranija tal-bidu, li kienu maqtula fis-sena 203 W.K. f’Kartaġni fl-Afrika ta’ Fuq (it-Tuneżija). Kien matul ir-renju tal-Imperatur Severu, li kien ikkmanda li ħadd ma seta’   jitgħammed biex isir Nisrani, li dawn iż-żewġ nisa żgħażagħ ġew maqtula minħabba l-lealtà tagħhom lejn il-fidi f’Ġesù Kristu. 

Ħafna drabi leġġendi u tradizzjonijiet idawru l-ħajja tal-qaddisin u l-martri li għexu żmien twil ilu. Madankollu, fil-każ ta’ dawn iż-żewġ martri, għandna l-eqdem u l-aktar informazzjoni l-iżjed antika, meħuda minn djarju li żammet Perpetwa fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha qabel ma mietet.

Perpetwa kienet mara nobbli ta’ 22 sena li kienet għadha tredda’ lit-tarbija tagħha.  Feliċita kienet l-iskjava tagħha u kellha tmien xhur tqala. Kienu katekumeni li kienu qed jistudjaw il-Fidi Nisranija bi preparazzjoni għall-magħmudija. Fil-fatt Perpetwa u sħabha kienu mgħammda bil-moħbi fil-ħabs qabel ma ġew maqtula. Flimkien ma’ erba’  katekumeni oħra ġew ikkundannati biex jintefgħu qalb il-bhejjem selvaġġi

Omm Perpetwa kienet tieħu lit-tarbija l-ħabs biex  Perpetwa tkun tista’ tkompli treddgħu, imma wara li qatluha, it-tifel ġie meħud biex jitrabba mal-familja. Feliċita welldet  tarbija li kienet  tifla ftit qabel ma qatluha. Imbagħad, ħadu lit-tifla biex titrabba għand familja Kristjana.

Iż-żewġ qaddisin huma onorati mill-Knisja Kattolika, hekk kif mhux biss jinsabu mniżżla fil-Kalendarju Liturġiku, iżda jissemmew ukoll fit-Talb Ewkaristiku tal-Quddiesa. 

Missier Perpetwa, li kien pagan u raġel għani, talabha bil-ħerqa biex tbiddel fehmitha u tirrinunzja milli ssir Nisranija, iżda ta’ xejn. Perpetwa baqgħet tinsisti li hi ma tridx tkun magħrufa ħlief bl-isem ta’ NISRANIJA.

Aħna konna mgħammdin u sirna NSARA.  Xi tfisser li tkun Kristjan? 

  • Għin lit-tfal jifhmu li, li tkun Kristjan tfisser li tkun BĦAL KRISTU.
  • Iddiskuti mat-tfal x’jaħsbu li kienu xi karatteristiċi li Ġesù kellu meta kien jgħix fid-dinja. Din jista’ jkun l-ewwel pass li jgħin lit-tfal jibnu relazzjoni ħajja ma’ Ġesù. 
  • Nistgħu nissuġerixxu xi kwalitajiet li Ġesù wera waqt li kien jgħix magħna: qalb tajba; iħobb lill-oħrajn inklużi t-tfal; jaf jagħmel ħbieb, filfatt hu kellu 12-il ħabib speċjali; kien jaħfer u kien jitlob ħafna.
  • Tajjeb li tiddiskuti mat-tfal kif huma jistgħu jixbħu lil Ġesù fil-mod kif jgħixu mal-familja, mal-ħbieb u ma’ kulħadd.

Perpetwa u Feliċita kienu mitfugħa l-ħabs flimkien, batew flimkien u mietu ħdejn xulxin, minkejja li ma kinux tal-istess klassi soċjali. Huma komplew jappoġġjaw lil xulxin u żammew sod fil-fidi tagħhom anke waqt it-tbatijiet tagħhom għax kienu ħbieb tassew.  

  • Iddiskuti kif jistgħu jkunu ħbieb tassew u x’inhuma l-kwalitajiet ta’ ħbieb veri. Li jissaħħu bħala ħbieb tgħin lit-tfal jikbru emozzjonalment u moralment waqt li jsaħħu l-empatija, kontroll tagħhom infushom u kif isolvu l-problemi.
  • Staqsihom x’jistennew minn ħabib vera, u kif huma jistgħu jkunu huma stess ħbieb veri.

Ħin tat-Talb mal-Familja:  Aqraw l-istorja ta’ Żakkew (Luqa 19, 1-10). Hawnhekk tajjeb tinnutaw kif għalkemm Żakkew kien magħruf bħala ħalliel, Ġesù wera li ried ikun ħabib tiegħu u stieden lilu nnifsu biex imur id-dar tiegħu!

Ħajjar lit-tfal:

  • Jirringrazzjaw lil Alla tal-ħbieb li għandhom (ħallihom isemmuhom b’isimhom);
  • biex jitolbu għal xi ħadd li forsi ma tantx iħossuh ħabib tagħhom;
  • għal dawk li m’għandhom lil ħadd biex jitlob għalihom;
  • għall-ommijiet li flimkien ma’ wliedhom iż-żgħar, ikollhom jaħarbu minn pajjiżhom;
  • għal nies ġenerużi li jagħżlu li jilqgħu tfal għandhom (fostering) jew jadottawhom u jħobbuhom daqslikieku kienu wliedhom stess.

Kantaw flimkien:   “I have decided to follow Jesus”.

Attivita:

Tiftakruha l-magħmudija tagħkom? Tafu għaliex il-magħmudija hi mportanti għalina l-Kristjani?


Araw dan l-vidjow sabiex titgħallmu dwar il-magħmudija.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.