
San Patrizju huwa sinonimu mal-Irlanda, iżda hu ma twelidx hemm! Twieled fl-Ingilterra fis-sena 387 W.K. Il-familja tiegħu kienet Kristjana. Missieru kien djaknu, u nannuh kien qassis. Mill-kitbiet tiegħu (Confessions of St. Patrick) jidher li meta kien żagħżugħ ma kienx midħla ta’ Alla.
Ħajtu nbidlet meta, fl-età ta’ sittax-il sena, inħataf minn grupp ta’ pirati u ħallelin u ttieħed l-Irlanda, fejn inbiegħ bħala lsir. Għal sitt snin, kien jieħu ħsieb il-ħnieżer, in-nagħaġ u l-baqar; kellu biss l-ikel meħtieg biex jibqa’ ħaj, u kien jistrieħ f’għerejjex żgħar u kesħin. In-nies ta’ madwaru ma kinux jemmnu f’Alla u kienu jaduraw is-siġar u l-ġebel. Kien f’dak iż-żmien li Patrizju għaraf lil Alla. Beda jitlob. Kien jaf li minkejja t-tbatija tiegħu, Alla kien iħobbu.
Imbagħad, Patrizju sab l-opportunità biex jaħrab. Huwa mar l-Ingilterra u Franza fejn għex f’monasteru. Hemm hu talab ħafna u saħħaħ ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla permezz tat-talb u l-istudju, qabel ma sar saċerdot.
F’ħolma, Patrizju sema’ vuċijiet isejħulu biex jerġa jmur l-Irlanda. B’kuraġġ kbir, irritorna bħala Isqof. Il-missjoni tiegħu kienet li jikkonverti lill-Irlanda għall-Kristjaneżmu. Iżda din kienet sfida kbira ħafna, għaliex l-Irlandiżi kienu jipprattikaw reliġjonijiet pagani u kienu jemmnu fil-maġija u fl-ispirti ħżiena.
Imma Patrizju qatt ma qata’ qalbu. Hu kien jippriedka kullimkien u lil kulħadd inkluż lir-Re. Maż-żmien sab l-għajnuna, għax irġiel u nisa bdew jimxu warajh u saru qassisin u sorijiet li waqqfu skejjel u monateri. B’hekk Patrizju kien wettaq il-pjan li kellu Alla għalih.
San Patrizju huwa Qaddis Patrun tal-Irlanda.
