Santa Marija Goretti, fis-sempliċità ta’ ħajjitha ta’ tfajla zgħira, għandha tagħlima mhux biss għaż-żgħar tagħna imma wkoll għalina l-kbar.
Li tirreżisti t-tentazzjoni hija l-akbar sfida tan-nisrani.
It-tentazzjoni tista tkun ta’ kull forma. Biex inwasslu s-sens ta’ din l-isfida lit-tfal, jiddependi ħafna mill-età tat-tfal li nkunu qegħdin nitkellmu magħhom.
Irridu nifhmu li s-saħħa li tirreżisti ma tiġix weħidha jew f’daqqa waħda. Hemm bżonn li aħna nrawmu fihom din is-saħħa interna billi nibnu pass wara pass huma u jikbru.
Minn ċkunithom nistgħu nrawmu fihom is-sens li jirreżistu xewqat billi nrawmu fihom is-sens ta’ stennija, anki jekk tkun xi ħaġa tajba, biex kemm jista’ jkun jitbegħdu mill-ħsieb ta’ “Irrid xi ħaġa, u rridha issa.”
Tkun prattika tajba li meta jitolbu xi ħaġa, mhux dejjem taqtgħalhom xewqithom fil-pront, sakemm ma tkunx xi ħaġa verament bżonnjuża. Tajjeb li xi drabi nużaw ir-risposta ta’ “Mhux issa. Mhux illum.” Din tista tkun talba għal ċikkulata, ġelat, mobile, jew anki talba għal xi ħin itwal mal-ħbieb. Il-prattika li wieħed jitgħallem jirreżisti xewqat, eventwalment wieħed jirreżisti f’sitwazzjonijiet aktar serji li jibdew jinbtu fl-adoloxxenza.
Ikun tajjeb li f’ħinijiet ta’ familja flimkien ninkoraġġixxu lit-tfal ilissnu talb personali relatat mal-esperjenza li jkunu qegħdin jagħmlu matul il-ġimgħa.
Tajjeb ukoll li jduru lejn min ikunu naqsu u jgħidu “Sorry,” u din tgħodd għalina l-kbar ukoll.
T’età żgħira Goretti kellha l-virtù tal-perseveranza. Hi dejjem baqgħet tħobb lil Alla tant li hi għażlet tmut milli tagħmel id-dnub. Goretti żammet iebes u sod fost it-tentazzjonijiet biex turi kemm hi tħobb lil Ġesù!