San Benedittu

11 ta’ Lulju

San Benedittu għex fil-bidu tas-seklu sitta, imma l-eku tat-tagħlim tiegħu u l-eżempji ta’ ħajtu għadhom jidwu sal-lum.

Il-ħajja ta’ San Benedittu hija mmarkata bi studju, talb, penitenza, u mżewqa b’mirakli anki f’ħajtu stess. Ir-regola Benedittina għadha msemmija sal-lum. L-aktar frażi magħrufa minn din ir-regola hija “Ora et Labora” (Talb u Xogħol), li flimkien mal-prinċipju tal-Ospitalità, jigifieri li kulħadd huwa milqugħ, kienu l-bażi tal-ħajja monastika fuq Monte Cassino.

Huwa kien magħżul bħala wieħed mill-Qaddisin Protetturi tal-Ewropa, u f’Malta wieħed mill-Kulleġġi Edukattivi huwa msemmi għalih: Kulleġġ San Benedittu.

X’nistgħu napplikaw mill-ħajja ta’ dan il-qaddis għall-familja tagħna?

Il-Prinċipju ta’ ”Ora et Labora” (Talb u Xogħol)

Iddiskuti mat-tfal kif jistgħu jqassmu l-ġurnata tagħhom, speċjalment issa li qegħdin bil-vaganzi, biex ma jintelqux u jinqabdu fl-għazz. Jekk it-tfal huma kbar biżżejjed tista’ tippreżentalhom il-ħsieb li Ġesù japprezza x-xogħol tagħhom daqs it-talb.

Ir-regoli

Tkellem mat-tfal fuq il-ħtieġa tar-regoli: Għandna bżonnhom?

Ħafna drabi t-tfal se jsemmu r-regoli fis-soċjetà, bħar-regoli tat-traffiku, regoli li ma tistax tisraq, eċċ. Imma għandna bżonnhom ir-regoli fid-dar?

Tista’ tiddiskuti mat-tfal xi regoli sempliċi (mhux aktar minn tlieta!) li jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex l-affarijiet imorru aħjar fid-dar.

Inkunu t’għajnuna

Ninkoraġġixxu lit-tfal biex isibu okkażjonijiet fejn jistgħu jkunu ta’ għajnuna, billi jgħinu lill-oħrajn.

(Tista’ twaħħal ‘chart’ żgħira jew sempliċiment karta A4 bl-ismijiet tat-tfal u kull darba li huma jkunu għenu lil xi ħadd jagħmlu forma ta’ qalb ħdejn isimhom. F’xi ħin agħti spazju lit-tfal jitkellmu fuq x’ikunu għamlu.)

Talb Matul din il-ġimgħa minbarra t-talb spontanju tagħhom, itolbu flimkien it-Talba tal-Missierna.

San Benedittu għex ħajja ta’ talb u għallem u għen ukoll lil dawk fil-bżonn. Huwa ppriedka l-messaġġ ta’ Ġesù lill-foqra u lil ħafna pajjiżi fl-Ewropa. L-eżempji ta’ San Benedittu ispiraw ħafna nies, anke sal-lum.

Din il-ġimgħa, agħmel xi ħaġa sabiħa lil xi ħadd li tiltaqa’ miegħu.

Matul din il-ġimgħa għażel xi ħaġa sabiħa li inti se tagħmel lil xi ħadd ta’ madwarek.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.