San Ġużepp

19 ta' Marzu

Żgur li San Ġużepp m’għandux bżonn ta’ introduzzjoni.

F’din il-festa ta’ San Ġużepp, ejjew nieħdu l-okkażjoni biex nuru lit-tfal tagħna r-realtà tal-personalità ta’ dan il-Qaddis u r-rwol kruċjali tiegħu fil-Pjan tas-Salvazzjoni

Fl-Erba’ Evangelji ma nsibu l-ebda kelma li qal Ġużeppi. Jirreferu għalih bħala “bniedem tajjeb, bniedem li dejjem obda r-rieda ta’ Alla.” Hu kien mastrudaxxa u jaħsbu li kien aktar minn hekk. Kien bniedem tas-sengħa li kien kapaċi jaħdem fil-ġebla wkoll. Kien magħżul biex ikun il-missier li ħa ħsieb Ġesù. Anġlu deherlu f’ħolma u qallu li l-Iben li kellha Marija f’ġufha kien bl-opra tal-Ispirtu s-Santu u li Hu kellu “jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.

Hu jibqa’ mnaqqax f’moħħhom bħala l-karattru sieket fl-istorja tat-Twelid ta’ Ġesù; kważi kważi jidher qisu karattru fittizju minn xi storja għat-tfal.

Ġużeppi kien ma’ Marija: meta marru Betlem, meta twieled Ġesù, meta r-rgħajja u aktar tard it-tlett Slaten Maġi ġew biex jaduraw Ġesù tarbija. 

Bħala l-kap tal-familja, hu ta l-isem lil Ġesù waqt iċ-ċirkonċiżjoni tiegħu skont il-Liġi Lhudija. Flimkien mal-Madonna, hu mar fit-tempju biex jippreżenta lil Ġesù wara 40 jum mit-twelid tiegħu. 

San Ġużepp kien li pproteġa lill-Madonna u Ġesù tarbija minn Erodi meta ħarbu lejn l-Eġittu wara li l-anġlu tah messaġġ f’ħolma. Hu ħa lill-familja tiegħu lura lejn Nażaret meta l-anglu qallu li Erodi kien miet u li seta’ jerġa’ lura d-dar.

Flimkien ma’ Marija, hu kien inkwetat meta Ġesù, ta’ tnax il-sena, intilef waqt il-pelligrinaġġ tagħhom lejn Ġerusalemm, u nstab fit-Tempju wara 3 ijiem ifittxuh.  Huma sabuh bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.

(L-Evanġelji ta’ Mattew Kapitlu 1 u ta’ Luqa Kapitli 1 u 2 jagħtuna r-rakkont ta’ din il-ġrajja).  

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Staqsi lit-tfal x’jammiraw f’San Ġużepp, u għinhom biex isibu xi kwalitajiet ta’ dan l-eroj silenzjuż. 

Alla għażlu biex jipproteġi u jieħu ħsieb lill-Madonna u lil Ġesù. Għalkemm kien raġel twajjeb u paċenzjuż,  kien wkoll raġel ta’ azzjoni, li aġixxa b’kuraġġ kbir. Hu sema’ u emmen fil-messaġġi Ii tah Alla, anke forsi jekk ma fehemx kollox mill-ewwel u poġġa l-fiduċja tiegħu fiH.

Xi kultant aħna wkoll inħossuna konfużi meta l-affarijiet imorru ħażin. Naqtgħu qalbna u ma nifhmux għaliex jiġrilna ċertu affarijiet.  Ejja nagħmlu bħal San Ġużepp u npoġġu l-fiduċja tagħna f’Ġesù u nitolbu, “Ġesù jiena nafda fik”.  Tajjeb li din ngħiduha spiss. 

San Ġużepp, flimkien ma’ Sidtna Marija, kien ma’ Ġesù l-ewwel snin tiegħu; bħala tarbija u matul iż-żgħożija tiegħu. Kellu rwol importanti fl-iżvilupp tan-natura umana ta’ Ġesù. Bħal kull missier ieħor,  żgur li kien izommlu idejh fl-ewwel passi tiegħu, jgħallmu l-Liġi Lhudija u kif jitlob, jieħdu miegħu fis-Sinagoga u anke jkun preżenti waqt  li kien ikun qed jaħdem u jgħallmu s-sengħa tiegħu.

Ħin tat-Talb mal-Familja:

Tajjeb li żżejjen statwa ta’ San Ġużepp u titolbu flimkien il-Misteri tal-Ferħ.

Għin lit-tfal jagħmlu talb personali:

  • speċjalment biex jipproteġi l-familja bħalma hu ħa ħsieb lill-Madonna u lil Ġesù.
  • nitolbu għal dawk li huma morda serjament.


Attività: is-Silenzju u l-Ġilji

Għall-attività tal-lum se nagħmlu l-kraft fis-silenzju. 

Trid ftit karti A4 , imqass, tape, u ftit pipe cleaners ħodor u sofor.

  • Ittrasja idek bil-lapes fuq karta A4 u aqtagħha bl-imqass.
  • Irrolja l-karta li qtajt biex tagħmel il-fjura.
  • Biex tagħmel iz-zokk daħħal il-pipe cleaner l-aħdar u fil-fjura daħħal il-pipe cleaner l-isfar forma ta’ ballun. Għandhom jidhru bħal dawn.

Tista’ tagħmel aktar minn ġilju wieħed.

Tinsiex li għandek tibqa’ sieket waqt li taħdem u wkoll itlob għal familja tiegħek.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.