
San Ġwann Marija Vianney huwa aktar magħruf magħna bħala l-Kurat t’Ars (Kurat hija kelma oħra minflok Kappillan).
Fi żmien it-tfulija tiegħu, Vianney kien jgħix fi Franza. Kienet għaddejja r-Rivoluzzjoni Franċiża u kien żmien imqalleb ħafna. In-nies ma setgħux jipprattikaw ir-Reliġjon u l-quddies u t-tqarbin kien isir bil-moħbi ġo xi dar. Ta’ 13-il-sena, rċieva l-Ewwel Tqarbin bil-moħbi fir-razzett ta’ missieru waqt li l-ħaddiema baqgħu jaħdmu bħas-soltu biex ma jiġbdux l-attenzjoni tal-Awtorità Rivoluzzjonarja.
Vianney żamm sod fit-twemmin tiegħu u minkejja li ma kienx intelliġenti ħafna, il-Mulej għażlu biex isir saċerdot magħruf għall-kelma ħelwa u konvinċenti tiegħu, li wasslet biex ħafna nies iduru lejn il-Mulej. Dan seħħ f’Ars, villaġġ żgħir fi Franza, fejn hu kien kappillan.
Bil-ħidma tiegħu, għalkemm tidher sempliċi, imma sinċiera u ġenwina, ibbażata fuq ħajja eżemplari u mħabba lejn Ġesù, huwa kabbar il-familja tal-parroċċa.
Il-Papa Piju, erba’ snin wara li għamlu qaddis, ħatru bħala l-qaddis Patrun tal-Kappillani u l-Qassisin.
San Ġwann Maria Vianney twieled f’familja fqira ta’ bdiewa tant li hu kien jirgħa n-nagħaġ. Kienet diffiċli ħafna li Vianney isir saċerdot imma hu qatt ma qata’ qalbu. Meta sar qassis, hu kien Kappillan ta’ Ars fejn hawn in-nies kellhom apatija lejn Alla imma bid-determinazzjoni tiegħu, Vianney ressaq ħafna nies lejn Alla speċjalment permezz tas-Sagrament tal-Qrar.
