Il-Maltin jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija, fil-15 t’Awwisu, bil-kbir. Din il-festa tiġi ċċelebrata f’seba’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex: Ħal Għaxaq, Qrendi, Gudja, Mosta, Ħ’Attard, Imqabba u r-Rabat, Għawdex. Fil-Ħadd ta’ wara tiġi ċċelebrata Santa Marija f’Ħad Dingli u fl-Imġarr, Malta, u fiż-Żebbuġ, Għawdex. Is-Santwarju tant magħruf, imsejjaħ Ta’ Pinu f’Għawdex, huwa wkoll iddedikat lil Marija mtellgħa s-Sema.
Din il-festa hija wkoll imsejħa l-festa tal-Assunta għaliex Marija ġiet mogħtija l-privileġġ singulari li ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u bil-ġisem. Nagħmlu differenza bejn il-fatt li Ġesù tela’ s-Sema bis-saħħa tiegħu stess, filwaqt li Marija giet imtellgħa s-Sema bis-saħħa tal-Mulej.
F’dan il-jum niċċelebraw it-tlugħ ta’ Marija fis-sema’ bir-ruħ u bil-ġisem. Marija tfakkarna u tgħallimna li għandna nixbhu lil Kristu f’dak kollu li nagħmlu. Għall-Maltin, din hi festa importanti għax propju illum niftakru meta f’Malta wasal vapur sħiħ mimli ikel u b’hekk il-Maltin ma mietux bil-ġuħ waqt il-gwerra. Il-Maltin kienu jitolbu ħafna lil Marija u din kienet grazzja speċjali għall-Maltin.