L-Evanġelju tal-lum jagħtina ħafna tama u fiduċja, iżda fl-istess ħin jgħabbina wkoll b’responsabbiltà. Nisimgħu kif id-dixxipli u l-ħbieb ta’ Ġesù kienu qalbhom maqtugħa, ħassewhom imħawwda u forsi anke abbandunati. Ġesù kien miet fuq is-salib, u kien hemm min qalilhom li Ġesù qam mill-mewt u dehrilhom. Jista’ jkun li ħassewhom ukoll ħatja li ħallew lil Ġesù waħdu waqt il-passjoni u l-mewt tiegħu. Kemm il-darba, anke aħna ħassejna lilna nfusna mħawwda u bi qtiegħ il-qalb, forsi anke minsija minn dawk l-aktar qrib tagħna, inkella mtaqqla’ b’xi deċiżjoni li nkunu ħadna? Imbagħad f’daqqa waħda, mingħajr ma stennejnieha, jiġri xi ħaġa, forsi niltaqgħu ma’ xi ħadd, naqraw xi ħaġa, iċemplilna xi ħadd u l-burdata tinbidel. Dan huwa Alla tagħna, li ma jabbandunaniex. Alla ma jħalliniex waħedna.
Ġesù, kellu kull ċans iqum mill-mewt u jibqa’ tielgħa s-sema ħdejn il-Missier. Madanakollu, għax għaraf li dawk li jħobb kienu mifxula, għax għaraf li dak li għallimhom kienu għadhom ma fehmuhx, għax ried li dan it-tagħlim ma jieqafx magħhom iżda jasal għandna wkoll, Ġesù baqa’ jiltaqa’ ma’ sħabu biex jagħmlilhom kuraġġ u jgħinhom jifhmu li hu kien verament ħaj. Hu kompla wkoll ifissrilhom it-tagħlim tiegħu u l-missjoni ġdida tagħhom. Ġesù jiltaqa’ magħhom biex jifhmu li hu ser jibqa’ dejjem magħhom. Huwa Ġesù li jmur ifittixhom u mhux huma jmorru jfittxu lilu. L-ewwel ħaġa li jgħidilhom meta jarahom hi: ‘Is-sliem għalikom.’ Ġesù jixtieqilhom dik l-istess paċi li kien hemm wara li Alla ħalaq id-dinja kollha u fis-seba’ jum, Alla straħ. Din il-paċi nsibuha biss, meta hemm armonija assoluta bejna u bejn Alla, bejna u l-bqija tal-ħolqien kollu. Din hija l-paċi li lkoll nixxenqu għaliha. Hija l-paċi li Ġesù jixtieq li jkollna u li nwasslu lill-oħrajn. Din il-paċi nsibuha meta nħobbu u naħfru mingħajr riserva.
Ninnutaw li wara li jqum mill-mewt, Ġesù jiekol mal-ħbieb tiegħu. L-ikla hija okkażżjoni li tgħaqqad lil dawk miġbura madwar mejda. Bħala ġenituri, tajjeb li żżommu dan il-ħin tal-ikel mal-familja, bħala ħin speċjali, fejn issiru tafu aktar lil xulxin, dwar dak li għaddejjin minnu l-bqija tal-familja. U wkoll, din testenduha għall-ikla oħra speċjali: il-quddiesa. Bħala familja, morru ċċelebraw il-ġurnata tal-Ħadd flimkien, morru flimkien għall-quddiesa fejn hemmhekk tingħaqdu ma’ familja ħafna akbar: il-familja ta’ Alla.