Il-paċi magħkom

It-3 Ħadd tal-Għid

L-Evanġelju tal-lum jagħtina ħafna tama u fiduċja, iżda fl-istess ħin jgħabbina wkoll b’responsabbiltà. Nisimgħu kif id-dixxipli u l-ħbieb ta’ Ġesù kienu qalbhom maqtugħa, ħassewhom imħawwda u forsi anke abbandunati. Ġesù kien miet fuq is-salib, u kien hemm min qalilhom li Ġesù qam mill-mewt u dehrilhom. Jista’ jkun li ħassewhom ukoll ħatja li ħallew lil Ġesù waħdu waqt il-passjoni u l-mewt tiegħu. Kemm il-darba, anke aħna ħassejna lilna nfusna mħawwda u bi qtiegħ il-qalb, forsi anke minsija minn dawk l-aktar qrib tagħna, inkella mtaqqla’ b’xi deċiżjoni li nkunu ħadna? Imbagħad f’daqqa waħda, mingħajr ma stennejnieha, jiġri xi ħaġa, forsi niltaqgħu ma’ xi ħadd, naqraw xi ħaġa, iċemplilna xi ħadd u l-burdata tinbidel. Dan huwa Alla tagħna, li ma jabbandunaniex. Alla ma jħalliniex waħedna.

Ġesù, kellu kull ċans iqum mill-mewt u jibqa’ tielgħa s-sema ħdejn il-Missier. Madanakollu, għax għaraf li dawk li jħobb kienu mifxula, għax għaraf li dak li għallimhom kienu għadhom ma fehmuhx, għax ried li dan it-tagħlim ma jieqafx magħhom iżda jasal għandna wkoll, Ġesù baqa’ jiltaqa’ ma’ sħabu biex jagħmlilhom kuraġġ u jgħinhom jifhmu li hu kien verament ħaj. Hu kompla wkoll ifissrilhom it-tagħlim tiegħu u l-missjoni ġdida tagħhom. Ġesù  jiltaqa’ magħhom biex jifhmu li hu ser jibqa’ dejjem magħhom. Huwa Ġesù li jmur ifittixhom u mhux huma jmorru jfittxu lilu. L-ewwel ħaġa li jgħidilhom meta jarahom hi: ‘Is-sliem għalikom.’ Ġesù jixtieqilhom dik l-istess paċi li kien hemm wara li Alla ħalaq id-dinja kollha u fis-seba’ jum, Alla straħ. Din il-paċi nsibuha biss, meta hemm armonija assoluta bejna u bejn Alla, bejna u l-bqija tal-ħolqien kollu. Din hija l-paċi li lkoll nixxenqu għaliha. Hija l-paċi li Ġesù jixtieq li jkollna u li nwasslu lill-oħrajn. Din il-paċi nsibuha meta nħobbu u naħfru mingħajr riserva. 

Ninnutaw li wara li jqum mill-mewt, Ġesù jiekol mal-ħbieb tiegħu. L-ikla hija okkażżjoni li tgħaqqad lil dawk miġbura madwar mejda. Bħala ġenituri, tajjeb li żżommu dan il-ħin tal-ikel mal-familja, bħala ħin speċjali, fejn issiru tafu aktar lil xulxin, dwar dak li għaddejjin minnu l-bqija tal-familja. U wkoll, din testenduha għall-ikla oħra speċjali: il-quddiesa. Bħala familja, morru ċċelebraw il-ġurnata tal-Ħadd flimkien, morru flimkien għall-quddiesa fejn hemmhekk tingħaqdu ma’ familja ħafna akbar: il-familja ta’ Alla. 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 24, 35-48) 

F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħħom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż!

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?” Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.

Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Aħna lkoll, bħala nsara msejħa biex inwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn. Kif qed tagħmel dan, speċjalment fil-familja tiegħek?
  4. F’mumenti diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb, iddur lejn Ġesù għall-għajnuna?
  5. Ġesù jixtieqilna l-paċi u jixtieq li aħna wkoll inkunu strumenti ta’ paċi. Għid din it-talba bil-qalb, u għamilha parti mit-talb tiegħek ta’ kuljum.
    Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek:
    fejn hemm il-mibegħda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba
    fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;
    fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;
    fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;
    fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl;
    fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.
    Mgħallem divin, la tħallix: 
    li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien,
    li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien,
    li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.
    Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu,
    meta naħfru, aħna niġu maħfura;
    meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.
    San Franġisk t’Assisi
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (24, 35-48);
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    vi. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Ġesù qam mill-mewt, imma l-appostli għadhom ma jistgħux jifhmu eżatt x’ġara. Għalhekk illum ser nisimgħu kif Ġesù reġa’ ltaqa’ mal-ħbieb tiegħu, qagħad ikellimhom u kompla jgħallimhom. 

  • Ġesù irid li nemmnu li Alla jħobbna, u li ngħidu lill-oħrajn li Alla jħobbhom ukoll
  • Mera
  • Printout Alla jħobbok ħafna
  • Kuluri u dekorazzjonijiet
  • Imqass
  • Kartonċina (il-printout tista’ ssir mal-ewwel fuq kartonċina)
  • Gloj 

Intom qatt kontu qegħdin tibżgħu minn xi ħaġa?   

Meta tkunu qegħdin tibżgħu, l-affarijiet ma jidhrux ċari. Jekk tqumu bil-lejl, tistgħu timmaġinaw li hemm xi ħadd fil-kamra, imma fil-verità ma jkun xejn ħlief il-ġakketta mdendla mal-bieb! Minħabba li tkunu qegħdin tibżgħu, x’aktarx tgħajjtu lill-mama jew lill-papa biex jiġu ħdejkom. Meta jiġu ħdejkom u tgħidulhom x’qegħdin taraw, huma jispjegawlkom li dik li qed taraw, hi l-ġakketta, jista’ jkun li jixgħelu d-dawl ukoll, biex intom temmnu dak li qegħdin jgħidulkom.  

Hekk ġralhom l-appostli. Wara li Ġesù miet, huma beżgħu. Huma beżgħu għax ħasbu li s-suldati, issa ser imorru jaqbduhom u joqtluhom, bħalma għamlu lil Ġesù. Beżgħu wkoll għax huma kienu ilhom jgħixu ma’ Ġesù u issa spiċċaw waħedhom, ma kinux jafu x’ser jaqbdu jagħmlu. Għalhekk Ġesù, wara li qam mill-mewt, kien jerġa’ jmur ħdejn dawn il-ħbieb tiegħu biex jagħtihom il-kuraġġ u jgħinhom jifhmu dak li kien ilu jgħallimhom. 

Meta raw lil Ġesù x’ħasbu li kien? (fantażma

X’għamel Ġesù biex jurihom li kien vera hu u mhux fantażma? (l-ewwel qalilhom biex imorru u jmissuh, u wara qalilhom li ried jiekol! Il-fantażma ma tistax tmissu u lanqas ma jista’ jiekol!

Taħsbu li baqgħu mbeżżgħin, wara li kellimhom Ġesù? 

Meta Ġesù qagħad jitkellem mal-appostli, għenhom biex ma jibqgħux imħawda, u anke kompla jgħallimhom. Ġesù ried li dawn il-ħbieb tiegħu, imorru jgħidu lin-nies li Alla jħobbhom. Riedhom jispjegaw lin-nies kif għalkemm hu kien miet, hu kien ukoll qam mill-mewt, u b’hekk ħadd ma jibqa’ mħawwad u mbeżża’, għax Ġesù kien miet.  

Tfal, intom qatt kontu x’imkien u ma stajtux taraw ċar, bħal per eżempju, jkollkom in-nuċċali u tixorbu xi ħaġa sħuna, u f’daqqa waħda n-nuċċali jittappan? Jew meta tidħlu fil-kamra tal-banju u tinħaslu bl-ilma sħun, x’jiġrilha l-mera? Il-mera tiċċajpar. (nota lill-ġenituri: aqbdu l-mera u onfqu fuqha biex din tiċċajpar

Ħarsu lejn il-mera. Tistgħu taraw wiċċkom ċar fiha? 

Hekk kien qisu moħħ l-appostli! Ma setgħux jaraw ċar u jifhmu dak li Ġesù kien ilu jgħallimhom. Imma wara li qam mill-mewt u baqa’ jiltaqa’ magħhom, huma fehmu aktar. Ġralhom kif qed jiġri lill-mera … wara ftit ħin, dak iċ-ċpar mar minn fuqha u jekk issa tħarsu fil-mera, taraw wiċċkom sew! 

Tfal, dak li Ġesù qal lill-appostli, jgħidu lilna wkoll. Irid li aħna wkoll ngħidu lin-nies li Alla jħobbna. Mela din ser tkun l-attività tal-lum. Għandkom dik il-qalb bil-kliem Alla jħobbok ħafna. Ġesù, illum qalilna li bħall-appostli, aħna rridu ngħidu lill-oħrajn li Alla jħobbhom. L-ewwel iddeċiedu lil min ser tagħtu dawn il-qlub, tistgħu per eżempju tagħtu lin-nanniet, ħbieb, kuġini, tistgħu wkoll timpustawhom fil-letterbox ta’ xi ġirien. Agħmlu waħda għalikom ukoll u poġġuha fejn tidher. Għamlu printouts, skont kemm ser tqassmu qlub. Jekk ma tipprintjawhomx fuq kartonċina, aqtgħuhom u waħħluhom fuq kartonċina. Agħtu l-kulur lill-kliem u jekk tridu tistgħu żżejnu l-qalb ukoll. Wara morru qasmuhom. Illum Ġesù ser ikun vera ferħan li intom, bħall-appostli ser tgħidu lin-nies li Alla jħobbhom. 

Waqt li qegħdin tagħmlu dawn il-qlub, isimgħu God loves me.

Irroddu s-salib. 

Grazzi Ġesù li inti għallimt lill-appostli dwar l-imħabba ta’ Alla. Huma emmnu li Alla jħobbhom u marru jgħidu lin-nies oħra dwar din l-imħabba. Għinna biex aħna nagħmlu bħalhom u ngħidu lill-ħbieb tagħna li Alla jħobbhom dejjem. Ammen. 

Illum ser inkomplu nisimgħu kif wara li qam mill-mewt, Ġesù beda jiltaqa’ mal-ħbieb tiegħu. L-Evanġelju jibda jirrakkonta meta tnejn minn dawn iltaqgħu ma’ Ġesù, huma u sejrin Għemmaws. Wara li ltaqgħu ma’ Ġesù, marru jiġru lura Ġerusalemm biex jgħidu lill-appostli.

  • Ġesù jrid li aħna ngħidu lill-oħrajn dwar l-imħabba, ħniena u maħfra ta’ Alla
  • Meta l-ħbieb  ta’ Ġesù kienu mdejqin u mbeżża’, Ġesù mar ħdejhom; hekk jagħmel magħna wkoll
  • Printout tal-kwotazzjonijiet
  • Kartonċina (jew tistgħu tipprintjaw il-kwotazzjonijiet dritt fuq kartonċina)
  • Gloj
  • Kuluri
  • Dekorazzjonijiet 

Waqt il-quddiesa, aħna nagħtu l-paċi lil xulxin. Jekk intom tmorru l-MUSEUM, jew tafu xi soċi tal-MUSEUM, minflok ma jgħidu ‘Hello’ jew ‘Bye’ huma jgħidu ‘Paċi miegħek’. X’inhi din il-paċi? 

Wara li Ġesù jqum mill-mewt, hekk kien isellem lill-ħbieb tiegħu: ‘Is-sliem għalikom!’ Sliem hija kelma oħra li tfisser paċi.

Il-paċi li jrid jagħtina Ġesù mhux biss li ma jkunx hemm ġlied, imma wkoll li ngħixu b’mod li nafu li kollox huwa sew u tajjeb. 

L-appostli u l-ħbieb ta’ Ġesù ma tantx kienu qegħdin iħossuhom sew u tajjeb! Anzi wara li Ġesù miet fuq is-salib, huma tħawwdu ħafna, anke beżgħu li ser joqtlu lilhom ukoll.  Ġesù kien jaf li l-appostli u l-ħbieb tiegħu kienu mbeżża’, kien jaf ukoll li kienu mħawwda. Għalkemm qabel ma miet, kien qalilhom li hu ser imut, imma jerġa’ jqum mill-mewt, huma ma kienux fehmuh. Ma tagħtihomx tort għal kollox! Mela huma qatt raw lil xi ħadd imut u jerġa’ jqum mill-mewt?! U għalhekk, biex jagħtihom kuraġġ, Ġesù mar ħdejhom. Wara li qam mill-mewt, Ġesù ltaqa’ ħafna drabi mal-ħbieb tiegħu. 

B’ħafna paċenzja, f’dawn il-laqgħat li Ġesù kellu mal-ħbieb tiegħu, hu reġa’ spjegalhom dak li għallimhom. Din aħbar tajba ħafna. Meta aħna ma nifhmux mal-ewwel dak li nisimgħu waqt il-qari tal-quddiesa, waqt l-omelija, waqt il-laqgħat tad-duttrina, meta naqraw il-Bibbja, ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Lanqas l-appostli ma fehmu mal-ewwel. Irridu nagħmlu bħalhom. Irridu nħallu lil Ġesù jibqa’ jkellimna, biex aħna nitgħallmu wkoll.

Illum naraw lil Ġesù jibda billi juriehom, li kien vera hu, li ma kienx xi fantażma! Uriehom idejh, staqsiehom biex imissuh, u kiel magħhom. Qagħad ukoll jerġa’ jfakkarhom dwar ġrajjiet li kienu fl-iskrittura, biex jifhmu dak li kien qiegħed jiġri. Qalilhom ukoll li Alla jħobb lil kulħadd u li jaħfer lil kulħadd. Ġesù ma waqafx hemm. Issa, Ġesù ried, li huma jmorru jgħidu lin-nies oħra dak kollu li qalilhom.

Fl-Evanġelju, Ġesù jiekol mal-appostli. Din l-ikla ta’ Ġesù mal-ħbieb, fiex tfakkarna? (fl-aħħar ċena u fil-quddiesa).

Tfal, intom tafu x’inhuma l-aħħar kliem li jgħidilna s-saċerdot meta tispiċċa l-quddiesa? (Morru fil-paċi ta’ Kristu

Dawn il-kliem, ‘Morru fil-paċi ta’ Kristu’, jfissru li aħna qed inkunu mibgħuta biex ngħidu lill-oħrajn li Alla jħobbna u Alla jaħfrilna. Alla jrid li jkollna ħajja sabiħa, li nkunu ferħana u li wara din il-ħajja mmorru ngħixu miegħu l-ġenna. 

Intom dalwaqt tiċċelebraw is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof.  Tafu, li dan is-sagrament jagħtina l-qawwa biex inħabbru l-Aħbar it-Tajba li jagħtina Ġesù? Permezz tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni, aħna nsiru nixbhu aktar lid-dixxipli u ħbieb ta’ Ġesù!

Fl-attività tal-lum, ser nobdu dak li qalilna Ġesù. Ser inwasslu l-messaġġ ta’ Ġesù, b’mod differenti. Għandkom ħames kwotazzjonijiet mill-Bibbja. L-ewwel iddeċiedu lil min ser tagħtu dawn il-kwotazzjonijiet, tistgħu per eżempju tagħtu lin-nanniet, ħbieb, kuġini, tistgħu wkoll timpustawhom fil-letterbox ta’ xi ġirien. Agħmlu waħda għalikom ukoll u poġġuha fejn tidher. Għamlu printouts, skont kemm ser tqassmu kwotazzjonijiet. Jekk ma tipprintjawhomx fuq kartonċina, aqtgħuhom u waħħluhom fuq kartonċina. Agħtu l-kulur lill-kliem u jekk tridu tistgħu żżejnuhom ukoll. Wara morru qasmuhom. Illum Ġesù ser ikun vera ferħan li intom, bħall-appostli ser tgħidu lin-nies li Alla jħobbhom u jaħrilhom.

Waqt li qegħdin tpinġu dawn il-kwotazzjonijiet, isimgħu, Help me see .

Tistgħu tagħlqu t-talba tagħkom billi terġgħu tisimgħu Help me see u tagħmlu dawn il-kliem, it-talba tagħkom ukoll:

Help me remember that You are right
Even when so many things go wrong
Help me remember that You are kind
And when I am weakest, You are strong

Help me see what’s real, help me see what’s true
Open up my eyes to the glory of You
Help me see Your love, help me know Your heart
Open up my eyes to who You really are
Come and change my view
Oh Lord, help me see You

1. Fl-Evanġelju tal-lum, żewġ dixxipli ta' Ġesù, wara li kienu għarfuh fil-qsim tal-Ħobż, marru lura Ġerusalemm mir-raħal fejn kienu. Minn liema raħal telqu huma?

Correct! Wrong!

2. Id-dixxipli marru jżuru lill-appostli biex jgħidulhom li huma kien ltaqgħu ma' Ġesù ħaj. F'daqqa waħda, jidħol f'nofshom Ġesù stess. X'tislima tahom Ġesù?

Correct! Wrong!

3. Biex jemmnu li hu kien qam tassew mill-imwiet u li ma kienx xi fantażma, Ġesù juri lil dawk li kienu preżenti...

Correct! Wrong!

4. Ġesù talab lill-appostli xi ħaġa tal-ikel. Huma tawh xi ħaġa u hu kielha quddiemhom. X'ressqulu quddiemu għall-ikel?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.