Li tħobbu lil xulxin

Is-6 Ħadd tal-Għid

L-Evanġelju tal-lum huwa meħud minn Ġwanni, kapitlu 15 u jkompli d-diskors ta’ Ġesù fl-aħħar ikla. Il-ġimgħa l-oħra, Ġesù uża l-imaġini tad-dielja u l-friegħi, biex jiddeskrivi, ir-relazzjoni tagħna miegħu, bħala membri tal-Ġisem ta’ Kristu. Tgħallimna li l-għaqda tagħna ma’ Ġesù twassal għal servizz li jħalli l-frott. Il-qari tal-lum ikompli jibni fuq dan it-tagħlim u jiddeskrivi x’tip ta’ servizz aħna l-insara, imsejħa nagħtu lill-oħrajn.

Qabel dan id-diskors (f’kapitlu 14), nisimgħu lil Ġesù jgħid li hu magħruf mill-Missier u li d-dixxipli isiru jafu lill-Missier, billi jsiru jafu lilu. Illum Ġesù jfakkar lid-dixxipli li dan l-għarfien irid jintwera bl-imħabba. Dawk li, lil Ġesù jafuh sew, jimxu fuq il-passi tiegħu u jħobbu lil xulxin. L-għarfien iwassal għall-imħabba, li twassal għall-azzjoni. Ġwanni jfakkar lill-komunità tiegħu li Ġesù għallem li l-imħabba hija sinjal tal-vera dixxiplu u għalhekk tan-nisrani vera. Iżda din hija mħabba partikolari. Hija mħabba li titlob sagrifiċċju, ubbidjenza u koperazzjoni, li jwasslu għall-hena.

Il-kittieb, C.S. Lewis, fil-ktieb “The Four Loves,” jitkellem dwar erba’ tipi ta’ mħabba li nsibu fil-Bibbja. L-“affezzjoni” (storge) li għandna għan-nies ta’ madwarna, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. It-tieni tip hija dik tal-“ħbiberija” (philia) li tinbet fejn hemm relazzjoni u ideat komuni. L-imħabba “romantika” (eros), hija dik li tinbena fuq il-passjoni. Hemm imbagħad, ir-raba’ tip ta’ mħabba “l-karità” (agape). Din hija mħabba mingħajr kundizzjoni, li l-Missier jagħtina permezz tal-Iben (Ġesù). Lewis jaħseb li dan għandu jkun l-għan ewlieni tan-nisrani, li jħobb mingħajr kundizzjoni. Din l-imħabba mingħajr kundizzjoni, hija dik li jitkellem dwarha Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. X’ried ifisser Ġesù meta qal “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”?

Faċilment ninterpretaw ħażin il-kliem ta’ Ġesù. Ġesù ma jgħidx li l-imħabba tiegħu tiddependi fuq l-ubbidjenza tagħna, inkella din tkun imħabba kundizzjonata. L-ubbidjenza li jitkellem Ġesù dwarha hija li nċedu r-rieda tagħna. Dan iseħħ meta naċċettaw l-imħabba ta’ Alla u nemmnu li Alla jrid l-aħjar għalina u għal dawk ta’ madwarna. Meta nintelqu għar-rieda tiegħu, niksbu l-hena u l-libertà biex nimxu fuq it-tagħlim ta’ Ġesù, u ngħixu fl-imħabba. L-azzjonijiet u tagħlim ta’ Ġesù kienu msejsa fl-imħabba ta’ Alla u fuq din it-tip ta’ relazzjoni. Il-lum Ġesù jagħmlilna stedina u jgħidilna, “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.” Bħala ġenituri, lesti li nilqgħu din l-istedina? Xi drabi huwa ferm diffiċli li nsibu ftit mumenti, biex nieqfu mir-rutina mimlija daqs bajda, u ngħaddu dan il-ħin ma’ Alla. Madanakollu, biex ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tikber, rridu nagħmlu ħin għat-talb. Ġesù jgħallimna li r-relazzjoni tagħna miegħu, hija bbażata fuq il-ħbiberija. Bl-istess mod li Ġesù għażel lid-dixxipli u bagħathom fid-dinja biex ikunu ta’ servizz għall-oħrajn, hekk ukoll, aħna magħżulin u mistiedna biex inservu lil Alla. Bħala nsara, imsejħa biex nagħmlu l-frott, meta naqdu lill-oħrajn u b’imħabba nagħmlu sagrifiċċji għalihom.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 15, 9-17) 


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar laqtitek? Għaliex?
  3. X’inhu l-prezz tal-imħabba? Meta nistaqsu din il-mistoqsija, l-imħabba ma tibqax biss dak li nħossu jew emozzjoni iżda ssir deċiżjoni. L-imħabba tirrikjedi azzjoni li ġejja minn dak li nħossu u għarfien tal-konsegwenzi. L-imħabba, għalhekk mhux biss dak li nħossu, iżda wkoll espressa fl-azzjonijiet tagħna lejn l-oħrajn.
  4. Faċli tgħid li tħobb, iżda diffiċli li tgħix fl-imħabba. F’Ġesù għandna l-eżempju perfett ta’ kif wieħed jgħix l-imħabba. Jekk nimxu fuq l-eżempju tiegħu, ikollna l-qawwa biex ngħixu l-imħabba b’mod sħiħ. Matul din il-ġimgħa, itlob lil Alla, biex ikollok imħabba bħal ta’ Ġesù, li tkun lest/a li tagħti lilek innifsek għall-oħrajn. Bħala għajnuna, aqra Salm 143, 8 u Proverbji 3, 3-4.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
  6. i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (15, 1-8);
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    vi. Pjanta, għinu lit-tfal jindunaw kif il-weraq hum
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Ġesù jridna nħobbu lil xulxin, bħalma Alla l-Missier iħobb lilna. Inti, kif turi li tħobb lill-oħrajn, per eżempju, lill-ġenituri, ħutek, jew in-nanniet? Mod wieħed kif turi l-imħabba hu li tkun ferħan u ġġiegħelhom jitbissmu.  

  • Inkunu qegħdin nimxu wara Ġesù meta nħobbu lill-oħrajn
  • Meta nħobbu lil Ġesù, qalbna timtela’ bil-ferħ
  • Platt tal-kartun
  • Kartonċin ikkulurit
  • Gloj / imqass / hole punch
  • Kuluri / dekorazzjonijiet
  • Spaga / żigarella

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qiegħed jispjega l-imħabba tiegħu lill-ħbieb tiegħu u xi tfisser li tħobb bħal Alla. Hija l-imħabba li tagħti l-ferħ u tama lill-oħrajn. 

Aħseb dwar dawk l-affarijiet li lilek jagħmluk ferħan. Tista’ tkun xi ġurnata l-baħar, jew birthday party ta’ xi ħbieb, xi logħba ġdida jew ikel favorit, inkella li tmur iċ-ċinema. Tista’ tkun li tkun, basta ġġiegħlek titbissem u tagħmlek ferħan. Issa aħseb dwar dak li jagħmillek qalbek sewda, bħal meta taqa’ u tweġġa’ irkobbtejk, jew tiġġieled mal-ħabib/a tal-qalb, jew xi ħadd jgħid xi ħaġa u jweġġgħek, inkella li tkun marid u titlef xi party.  Meta tiġri xi ħaġa sabiħa, tferrħek. Meta tiġri xi ħaġa kerha, tagħmillek qalbek sewda. 

Taħseb li Ġesù jrid li nkunu ferħana? U żgur li hekk irid! Ġesù, lill-ħbieb tiegħu jgħidilhom hekk: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.” Faċli hux hekk? Alla l-Missier, iħobb lil Ġesù. U Ġesù, lil min iħobb? Ġesù, iħobb lilna! 

Imbagħad Ġesù jgħid hekk, “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” Hawnhekk, Ġesù qiegħed jgħidilna li anke meta tiġrilna xi ħaġa kerha, xorta waħda jista’ jkollna l-ferħ f’qalbna, għax nafu li Ġesù jħobbna. 

Tajjeb li nuru l-imħabba tagħna b’affarijiet żgħar u nippruvaw ukoll nagħmlu affarijiet biex ħaddieħor iħossu speċjali. Dan hu mod tajjeb, kif inwasslu l-ferħ li jiġi meta aħna nħobbu lill-oħrajn, bħalma Ġesù jħobb lilna. Il-lum ġurnata tajba biex nitbissmu. Biex inwasslu ftit ferħ, ser nagħmlu maskra ta’ fjura b’wiċċ ferħan. Meta tlestieha, ippruvaha u ara jekk il-familja u l-ħbieb jieħdux gost biha. Sib l-istruzzjonijiet hawnhekk (the above craft). Ġesù qiegħed jistaqsina biex inħobbu lil xulxin. Ejjew ngħidu talba biex nirringrazzjawh. 

Grazzi Ġesù li inti tħobbna. Għinna biex nibqgħu fl-imħabba tiegħek, u hekk inkunu ferħanin. Għinna biex nuru l-imħabba tiegħek lill-oħrajn, meta nuru ħniena u ħbiberija. Illum nixtiequ nitolbu b’mod speċjali għall-familja tagħna (semmi isem il-mama), u nirringrazzjawhom tal-paċenzja. Nitolbuk tberikhom f’din il-ġurnata speċjali. Ammen. 

Waqt li tkun qed tagħmel il-maskra, isma’ din is-song, Joyful, Joyful We Adore Thee .

Il-Ġimgħa l-oħra smajna dwar meta Ġesù kien qiegħed jitkellem mad-dixxipli tiegħu u qalilhom li hu bħad-dielja u aħna l-friegħi. Illum Ġesù qiegħed ikompli dan id-diskors u qed jitkellem dwar l-imħabba lejn xulxin. Ġesù jridna nħobbu, kif hu jħobb lilna. Iridna naqsmu din l-imħabba mal-oħrajn.  

  • L-imħabba li jitkellem dwarha Ġesù llum, hija l-ubbidjenza, il-ħbiberija u s-sagrifiċċju, li jġibulna l-ferħ f’qalbna
  • Id-disinn tar-raġel bil-qalb
  • Imqass
  • Lapes / kuluri

Ġesù jħobbna mingħajr ebda kundizzjoni. Hu bata’ għalina fuq is-salib biex jinħafru d-dnubiet tagħna u biex inkunu nistgħu ngawdu l-ħajja ta’ dejjem. Ħabbna mingħajr ma stenna xejn lura. Hu jagħtina dan ir-rigal speċjali tal-imħabba tiegħu, u jitlobna biex ngħadduh lill-oħrajn. Kif nistgħu nagħmlu dan? Nagħmlu dan meta nuru qalb tajba u nieħdu ħsieb l-oħrajn, naħfrulhom u nuru rispett lejn sħabna, u wkoll li ngħinu mingħajr ma nistennew xejn lura. 

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jitlobna biex inħobbu lill-oħrajn, kif hu jħobb lilna. Jitkellem dwar kif nistgħu nieħdu ħsieb l-oħrajn u kif kollha kemm aħna nistgħu nkunu ħbieb ta’ Ġesù. Ġesù qal dawn il-kliem waqt l-aħħar ċena, meta kien għadu kif ħasel saqajn l-appostli. Meta għamel hekk, Ġesù kien qiegħed jurihom kif għandhom iħobbu lil xulxin. Hija mħabba f’sagrifiċċju. Hija mħabba li tagħti, isservi u twassal il-ferħ. Bħala tfal li qed nimxu wara Ġesù, aħna msejħa biex nagħmlu l-istess. Ġesù qal: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.” Dan kmandament vera kbir! Ġesù qiegħed jgħidilna mhux biex inħobbu biss lill-ħbieb tagħna, iżda li nħobbu lil kulħadd. Dan mhux dejjem ikun faċli. Xi drabi niżbaljaw, jew niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jfixkluna milli nħobbu lill-oħrajn. Jekk l-iskola hemm xi tifel jew tifla ġdida, u ħadd ma qiegħed ikellimhom u jilgħab magħhom, inti x’għandek tagħmel? Ma tatix kas u tibqa’ tilgħab ma sħabek, jew tipprova ssir ħabib tagħhom biex ma jibqgħux waħedhom? 

Ġesù jrid li aħna nħobbu lill-oħrajn, anke lil dawk li xi drabi weġġgħuna. Dan hu l-mod li jħobbna Ġesù. Tistgħu timmaġġinaw kemm id-dinja tkun aħjar, kieku kellna nagħtu l-imħabba tagħna lill-oħrajn, mingħajr ma nistennew xejn lura? Matul din il-ġimgħa, aħseb kif tista’ tagħti xi ħaġa lil xi ħadd mingħajr ma jinduna. Wara, ara kif tħossok. Ser tkun ferħan/a u tipproduċi l-‘frott’ li Ġesù tkellem dwaru fl-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra.  

Biex tiftakar fil-kmandament ta’ Ġesù ‘ħobbu lil xulxin’ agħmel l-attività tal-lum: ir-raġel iżomm qalb (the above instructions), waqt li tisma’, Love one another.

Irroddu s-Salib

Għażiż Ġesù,

Għażiż Ġesù, għinna biex id-dar u l-iskola, inħobbu lil xulxin. Għinna biex inħobbu lil xulxin, f’dak kollu li naħsbu, li ngħidu u li nagħmlu. Meta nargumentaw jew inkunu għajjiena, għinna biex inħobbu lil xulxin. Kull ħin tal-ġurnata, meta tkun faċli u meta le, għinna biex inħobbu lil xulxin. Ammen. 

1. Skont Ġesù, kif nistgħu nibqgħu fl-imħabba tiegħu?

Correct! Wrong!

2. Ġesù qal li l-kmandament ewlieni tiegħu huwa...

Correct! Wrong!

3. Jekk aħna nagħmlu dak li hu jikkmandana biex nagħmlu, Ġesù ma jsejħilniex qaddejja iżda...

Correct! Wrong!

4. Ġesù jibgħatna biex aħna li ġejna magħżulin minnu nagħmlu...

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.