L-Evanġelju tal-lum huwa meħud minn Ġwanni, kapitlu 15 u jkompli d-diskors ta’ Ġesù fl-aħħar ikla. Il-ġimgħa l-oħra, Ġesù uża l-imaġini tad-dielja u l-friegħi, biex jiddeskrivi, ir-relazzjoni tagħna miegħu, bħala membri tal-Ġisem ta’ Kristu. Tgħallimna li l-għaqda tagħna ma’ Ġesù twassal għal servizz li jħalli l-frott. Il-qari tal-lum ikompli jibni fuq dan it-tagħlim u jiddeskrivi x’tip ta’ servizz aħna l-insara, imsejħa nagħtu lill-oħrajn.
Qabel dan id-diskors (f’kapitlu 14), nisimgħu lil Ġesù jgħid li hu magħruf mill-Missier u li d-dixxipli isiru jafu lill-Missier, billi jsiru jafu lilu. Illum Ġesù jfakkar lid-dixxipli li dan l-għarfien irid jintwera bl-imħabba. Dawk li, lil Ġesù jafuh sew, jimxu fuq il-passi tiegħu u jħobbu lil xulxin. L-għarfien iwassal għall-imħabba, li twassal għall-azzjoni. Ġwanni jfakkar lill-komunità tiegħu li Ġesù għallem li l-imħabba hija sinjal tal-vera dixxiplu u għalhekk tan-nisrani vera. Iżda din hija mħabba partikolari. Hija mħabba li titlob sagrifiċċju, ubbidjenza u koperazzjoni, li jwasslu għall-hena.
Il-kittieb, C.S. Lewis, fil-ktieb “The Four Loves,” jitkellem dwar erba’ tipi ta’ mħabba li nsibu fil-Bibbja. L-“affezzjoni” (storge) li għandna għan-nies ta’ madwarna, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. It-tieni tip hija dik tal-“ħbiberija” (philia) li tinbet fejn hemm relazzjoni u ideat komuni. L-imħabba “romantika” (eros), hija dik li tinbena fuq il-passjoni. Hemm imbagħad, ir-raba’ tip ta’ mħabba “l-karità” (agape). Din hija mħabba mingħajr kundizzjoni, li l-Missier jagħtina permezz tal-Iben (Ġesù). Lewis jaħseb li dan għandu jkun l-għan ewlieni tan-nisrani, li jħobb mingħajr kundizzjoni. Din l-imħabba mingħajr kundizzjoni, hija dik li jitkellem dwarha Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. X’ried ifisser Ġesù meta qal “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”?
Faċilment ninterpretaw ħażin il-kliem ta’ Ġesù. Ġesù ma jgħidx li l-imħabba tiegħu tiddependi fuq l-ubbidjenza tagħna, inkella din tkun imħabba kundizzjonata. L-ubbidjenza li jitkellem Ġesù dwarha hija li nċedu r-rieda tagħna. Dan iseħħ meta naċċettaw l-imħabba ta’ Alla u nemmnu li Alla jrid l-aħjar għalina u għal dawk ta’ madwarna. Meta nintelqu għar-rieda tiegħu, niksbu l-hena u l-libertà biex nimxu fuq it-tagħlim ta’ Ġesù, u ngħixu fl-imħabba. L-azzjonijiet u tagħlim ta’ Ġesù kienu msejsa fl-imħabba ta’ Alla u fuq din it-tip ta’ relazzjoni. Il-lum Ġesù jagħmlilna stedina u jgħidilna, “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi.” Bħala ġenituri, lesti li nilqgħu din l-istedina? Xi drabi huwa ferm diffiċli li nsibu ftit mumenti, biex nieqfu mir-rutina mimlija daqs bajda, u ngħaddu dan il-ħin ma’ Alla. Madanakollu, biex ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tikber, rridu nagħmlu ħin għat-talb. Ġesù jgħallimna li r-relazzjoni tagħna miegħu, hija bbażata fuq il-ħbiberija. Bl-istess mod li Ġesù għażel lid-dixxipli u bagħathom fid-dinja biex ikunu ta’ servizz għall-oħrajn, hekk ukoll, aħna magħżulin u mistiedna biex inservu lil Alla. Bħala nsara, imsejħa biex nagħmlu l-frott, meta naqdu lill-oħrajn u b’imħabba nagħmlu sagrifiċċji għalihom.