Illum u l-Ħadd li ġej huma ġranet speċjali li jiffukaw fuq iċ-ċentralità tal-fidi tagħna. Il-Ħadd ta’ wara Pentkoste, niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa. Din il-festa tistedinna biex naħsbu dwar it-twemmin tagħna dwar Alla Trinità. Alla wieħed, tliet persuni. Il-misteru tat-Trinità Qaddisa huwa l-misteru ewlieni tal-fidi u ħajja nisranija. Huwa misteru ta’ fidi li nistqarru kull darba li nroddu s-salib u ngħidu l-Kredu. It-tajjeb ta’ misteru, huwa, li dejjem hemm aktar x’wieħed jitgħallem dwaru! It-teologu Karl Rahner jgħid hekk: “il-misteru mhuwiex dak li jien ma nistax nagħraf, iżda dak li ma nistax inkun naf dwaru biżżejjed.”
Il-qari tal-lum, li hu meħud mill-Evanġelju skont San Mattew, huwa qasir, iżda fih istruzzjonijiet, li huma relevanti llum, daqs kemm kienu għall-ħdax-il dixxiplu li ltaqgħu ma’ Ġesù fuq il-muntanja, skont kif kien ordnalhom. Meta jaraw lil Ġesù jinxteħtu quddiemu jadurawh, għalkemm xi wħud żammew lura. Ġesù jersaq lejhom u jordnalhom biex jgħammdu u jgħallmu. Huwa l-aħħar kmand ta’ Ġesù, fejn jgħid lill-ħdax biex jgħallmu lill-ġnus kollha. Il-missjoni ta’ Ġesù, għaddiet għand id-dixxipli, li ġew imsejħa biex imorru mad-dinja kollha u jgħammdu fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ġesù jagħtihom ukoll il-kuraġġ, meta jgħidilhom: “jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”. Dawn huma l-aħħar kelmiet tal-Evanġelju ta’ Mattew.
Il-wegħda ta’ Ġesù, li hu dejjem magħna, huwa ħsieb li jsostnina matul il-ġranet kollha tagħna. Fil-qari tal-lum, Ġesù jikkonferma li hemm tliet Persuni f’Alla wieħed. Bħala nsara li rċevejna l-magħmudija, bħad-dixxipli, aħna msejħa biex nevanġelizzaw u nkunu xhieda ta’ Kristu. Il-qofol tan-nisrani huwa li jagħraf lil Alla. Għalkemm qatt ma nistgħu nifhmu l-misteru divin, permezz tat-Trinità, qisna għandna tliet mezzi li nsiru nafuh aktar, hekk kif jispjega C.S. Lewis, fil-ktieb, “Mere Christianity.” Alla huwa dejjem akbar mill-kapaċità tiegħi li nifhem, iżda nagħrfu minn dak li jurini dwaru huwa stess. Nista’ nagħraf lil Alla minn tliet aspetti, u nista’ nħobb ukoll fi tliet modi differenti. Meta nifhmu u nħobbu b’dan il-mod, it-Trinità ma tkunx domma daqstant ’l fuq minna, iżda hija l-qalba u l-qofol tat-twemmin tagħna. Illum, Alla jrid li nkunu mħeġġa dwar dan il-misteru ta’ Tlieta f’Wieħed.