San Publiju

22 ta' Jannar

Fl-Atti 28,7-10 San Publiju imsemmi b’certa prominenza. Dal-qaddis għandu ċerta prominenza fit-tradizzjoni Maltija. Kienet is-sena 60 AD. Malta kienet taħt il-ħakma Rumana. Il-Maltin, ftit fin-numru kienu kkunsidrati Barbari għax la kienu jitkellmu Latin u lanqas Grieg. Ir-Rumani kienu għażlu lil Publius, Malti ta’ ċertu prestiġju biex iżomm l-ordni u jamministra l-Liġi Rumana fil-Gzejjer. Kien mogħti t-titlu ta’ Protos jew Prinċep, bħala rappreżentant tal-poplu.

Vapur b’276 persuna, ħafna minnhom priġunieri, wieħed minnhom San Pawl, inkalja fuq ix-xtut tal-Gżira. Fl-Atti, San Luqa jirrakkonta, “fl-inħawi kien hemm artijiet tal-Mexxej tal-Gżira, Publiju. Hu aċċettana u żammna għandu tlett ijiem. Fl-istess żmien Pawlu fejjaq lil missier Publiju li kien marid serjament bid-disenterija.

Publiju żgur li ordna li f’dawk it-tlett xhur li damu Malta kienu mogħtija kulma kellhom bżonn. Żgur li kien ċert li l-Maltin kienu tawhom fuq il-vapur il-ġdid kulma kellhom bżonn biex ikomplu l-vjaġġ għal Ruma. (Atti28, 10)  Meta San Pawl telaq il-gżejjer ma’ l-oħrajn, Publiju mhux talli kompla jirrappreżenta l-liġi Rumana fuq il-Gżira, imma sar il-bniedem li beda jippromovi l-Fidi Nisranija. Huwa beda jmexxi bħala l-Isqof tal-Gżira.

Kulħadd jemmen li San Publiju kien martirizzat waqt il-persekuzzjoni tal-Kristjani waqt il-moħqrija tal-Imperatur Adrijanu. Il-Maltin jirringrazzjaw lil San Publiju u lil San Pawl li wasslulna l-Fidi daqshekk kmieni fl-istorja tal-Kristjaniżmu.

Hemm biss tlett linji fl-Atti fejn jissemma Publiju.

Imma wieħed jintlaqat mill-interess kbir tiegħu biex jieħu ħsieb il-ħajja tal-bniedem. Huwa mhux biss ħass għall-dawk li kienu se jgħerqu imma organizzalhom kollox, l-ikel, il-post fejn joqgħodu, laqagħhom ilkoll, mingħajr ma ġġudikahom. M’għamlet l-ebda differenza għall-mod kif laqagħhom il-fatt li kienu priġunieri, avolja ma kien se jaqla xejn billi jilqagħhom.

Iddiskuti mat-tfal jekk jafux fatti oħra li ġraw fil-Mediterran. Għinhom jifhmu kemm ibatu l-immigranti fuq id-dgħajjes fil-Mediterran. Għinhom jifhmu kemm hu serju l-fatt li ssalva n-nies irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, il-kultura u t-twemmin. Għinhom isibu modi kif jistgħu jgħinu lil dawn it-tfal refuġjati li jkunu magħhom l-iskola.

Il-ftit li għandna miktub fuq San Publiju jurina l-ġenerożita’ tiegħu u l-ospitalita li kellu. Hu ħa azzjoni biex juri l-imħabba li kellu lejn min ibati. Dan jinvolvi li naqsmu dak li għandna u li nkunu ġenerużi. Forsi f’din il-pandemija mhux idejali li nilqgħu nies ġo darna għalkemm tajjeb li ninkuraġġixxu t-tfal li jekk ikun ġej xi ħadd jiġi minna bħan-nanniet u zijiet, li jilqgħuhom bil-ferħa. Tajjeb li naħsbu wkoll f’xi affarijiet bħal ħwejjeġ, gvieret, ġugarelli, jew logħob li nistgħu nagħtu lil xi refuġjati.

Malta baqgħet iżżomm il-Fidi Nisranija li ppriedkalna San Pawl immexxija mill-Isqfijiet tagħha. L-isqof t’Għawdex li kellna qabel ġie magħżul Kardinal u issa jgħix Ruma. Tajjeb li ninkuraġġixxu t-tfal biex jitgħallmu l-ismijiet tal-mexxejja tal-knisja. Tista’ tagħmel chart bl-ismijiet u xi ritratti ta’ dawn il-mexxejja .

Tista tissuġġerixxi li t-tfal jiktbu ittra jew email lil dawn il-mexxejja jirringrazzjawhom għax-xogħol tagħhom u jwegħduhom it-talb tagħhom. San Publiju huwa wieħed mill-Padruni ta’ Malta u ukoll Padrun tal-parroċċa tal-Furjana. Inkuraġġixxi t-tfal isibu stampi tal-Padrun tal-parroċċa tagħhom u wkoll jiktbu fuqhom.

Iddedika ftit ħin ta’ talb għall-Mexxejja tal-Knisja. Semmihom b’isimhom. Nirringrazzjaw ‘l Alla li tana lil dawn il-mexxejja biex jiggwidawna fil-Fidi. Nitolbu biex Alla jkompli jgħinhom u jqaddishom. Nitolbu wkoll għall-immigranti li kellhom jitilqu pajjiżhom u jaħarbu bil-baħar. Nitolbu speċjalment biex il-Bambin jeħlishom mill-perikli tal-baħar speċjalment fix-xitwa. Inpoġġuhom taħt il-protezzjoni tal-Madonna, Omm Alla.

San Publiju kien l-ewwel isqof ta’ Malta. Bħala mexxej hu baqa’ kuraġġjuż, u sod fil-Fidi tiegħu anke f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-Maltin jirringrazzjaw lil San Publiju u lil San Pawl li wasslulna l-Fidi daqshekk kmieni fl-istorja tal-Kristjaniżmu.

Araw dan il-vidjow biex titgħallmu iktar dwar kif jintgħażlu l-isqfijiet.

Inkantaw u Niżfnu!

Ejjew nifrakru kif nżommu sod fil-Fidi tagħna billi niżfnu u nkantaw flimkien ma’ din id-diska.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.