
Fl-Atti tal-Appostli 28, 7-10, Publiju jissemma b’mod prominenti ħafna. Madankollu, dan il-qaddis hu marbut mill-qrib mat-tradizzjoni Maltija.
Kienet is-sena 60 W.K. meta Malta kienet taħt il-ħakma Rumana. Il-Maltin kienu meqjusa bħala barbari għax ma kinux jitkellmu la bil-Latin u lanqas bil-Grieg. Ir-Rumani għażlu lil Publiju, Malti ta’ prestiġju għoli, biex iżomm l-ordni u jamministra l-Ligi Rumana fil-gżira. Kien ngħata t-titlu ta’ Protos jew Prinċep, bħala rappreżentant tal-poplu.
Vapur fi triqtu lejn Ruma b’276 persuna abbord – il-biċċa l-kbira tagħhom kienu priġunieri, fosthom San Pawl – inkalja mal-kosta Maltija. San Luqa jirrakkonta, “Fl-inħawi kien hemm l-artijiet tal-kap tal-gżira, li kien jismu Publiju. Hu laqagħna u żammna għandu bi ħbiberija kbira għal tlett ijiem.” Dak il-ħin stess, San Pawl fejjaq lill-missier Publiju, li kien marid serjament bid-diżenterija.
Publiju ħa ħsieb li, matul it-tliet xhur li damu hawn in-nies li kienu salvaw mill-għarqa, jingħataw dak kollu li kellhom bżonn għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Barra minn hekk, il-Maltin għabbew fuq il-vapur il-provvisti meħtieġa meta dan kien lest biex jieħu lill-ekwipaġġ u lill-priġunieri fi triqithom lejn Ruma (Atti 28, 10).
Meta San Pawl telaq mill-gżira flimkien mal-oħrajn, Publiju mhux biss kompla jirrappreżenta l-Liġi Rumana fil-gżira, imma sar il-bniedem li beda jippromovi l-Fidi Nisranija. Huwa beda jwettaq ir-rwol ta’ Isqof ta’ Malta.
Huwa maħsub li San Publiju miet martri waqt il-persekuzzjoni tal-Insara fi żmien l-Imperatur Adrijanu. Il-poplu Malti huwa grat lejn San Publiju għax kien permezz tiegħu u ta’ San Pawl li l-Kristjaneżmu wasal f’Malta u kompla jiffjorixxi minn dak iż-żmien bikri fl-istorja tal-Kristjaneżmu.
San Publiju hu wieħed mit-tliet Qaddisin Patruni ta’ Malta flimkien ma’ San Pawl u Santa Agata.
San Publiju kien l-ewwel Isqof ta’ Malta. Bħala mexxej, hu baqa’ kuraġġjuż u sod fil-fidi tiegħu anke f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-Maltin jirringrazzjaw lil San Publiju u lil San Pawl li wasslulna l-fidi daqshekk kmieni fl-istorja tal-Kristjaniżmu.
Araw dan il-vidjow biex titgħallmu aktar dwar kif jintgħażlu l-Isqfijiet.
