San Barnaba jissemma fl-Atti tal-Appostli u f’xi ittri ta’ San Pawl. Huwa twieled f’familja Lhudija ġewwa Ċipru. Kien Levita, dixxendent mit-tribù ta’ Levi, wieħed mit-tnax it-tribujiet ta’ Iżrael, u kellu l-privileġġ li jwettaq servizzi ritwali fit-Tempju. Ismu propja kien Ġużeppi, imma l-Appostli tawh l-isem ta’ Barnaba, li jfisser ‘Iben il-Faraġ’ minħabba l-karattru tiegħu.
Huwa maħsub li sar Nisrani wara Pentekoste. Barnaba biegħ il-propjetà tiegħu u l-flus tahom kollha lill-komunità Nisranija. Sar magħruf bħala l-predikatur tal-Aħbar it-Tajba u beda jitqies bħala wieħed midħla sew tal-Appostli.
Meta San Pawl mar Ġerusalemm, wara li kkonverta, l-Appostli sabuha iebsa li jaċċettawh minħabba li ma emmnux li l-konverżjoni tiegħu kienet waħda sinċiera. Kien San Barnaba li qabeż għal San Pawl kontra Pietru u Ġakbu. Eventwalment, San Pawl mar lura Tarsu, pajjiżu, u tilef il-kuntatt ma’ San Barnaba.
Wara l-martirju ta’ San Stiefnu, ħafna mid-dixxipli telqu minn Ġerusalemm u marru jgħixu fil-pajjiżi tal-madwar. L-Appostli sar jafu li d-dixxipli li marru jgħixu f’Antjokja kienu qegħdin jevanġelizzaw u jilqgħu pagani konvertiti. Għalhekk San Barnaba ntbagħat f’Antjokja biex jevelwa s-sitwazzjoni.
Meta San Barnaba ra li Antjokja kienet art tajba għall-evanġelizzazzjoni, huwa bagħat għal San Pawl minn Tarsu u flimkien bdew missjoni ġewwa Antjokja fejn damu għal sena sħiħa. Il-komunità kompliet tikber, u kien ġo Antjokja li dawk li emmnu f’Ġesù bdew jissejħu Nsara.
F’dak iż-żmien waqa’ l-għaks f’Ġerusalemm. San Barnaba u San Pawl marru hemmhekk bi flus li nġabru mill-Knisja ta’ Antjokja għal-Knisja ta’ Ġerusalemm.
Meta marru lura Antjokja ħadu magħhom lil San Mark li kien il-kuġin jew neputi ta’ San Barnaba. Flimkien marru vjaġġ missjunarju; l-ewwel marru Ċipru u wara marru l-Asja Minuri. Għal xi raġuni, San Mark ma kompliex il-vjaġġ ma’ San Barnaba u San Pawl, iżda mar lura Ġerusalemm. San Barnaba u San Pawl komplew jipprietkaw lil-Lhud u lill-pagani, ixerrdu l-Aħbar it-Tajba li Alla wera mħabbtu permezz ta’ Ġesù Ibnu magħmul bniedem. Din ma kinetx xi ħaġa faċli. Iltaqgħu ma’ oppożizzjoni u persekuzzjoni vjolenti, sa waslu biex irriskjaw ħajjithom stess.
San Barnaba u San Pawl marru Ġerusalemm biex isolvu problema li nqalgħet minn xi Lhud li xtaqu li l-pagani li jikkonvertu jaċċettaw il-liġi Lhudija qabel ma dawn jiġu aċċettati bħala Nsara. San Barnaba u San Pawl kienu jaħsbuha mod ieħor. Stqarru li l-pagani kellhom dritt li jsiru Nsara mingħajr l-obbligu li jsiru Lhud. Huma attendew għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm fejn il-ħidma tagħhom ġiet approvata u d-deċiżjoni rigward il-pagani li xtaqu jsiru Nsara nqatgħet favorihom.
Wara li rritornaw Antjokja, San Barnaba u San Pawl iddeċiedew li jżuru l-komunitajiet Insara li kienu waqqfu. San Barnaba ried jerġa’ jieħu lil San Mark miegħu, iżda San Pawl ma riedx li San Mark jakkumpanjahom għaliex ħass li ma setax jorbot fuqu. Minħabba f’hekk, San Barnaba u San Pawl infirdu; San Barnaba mar Ċipru ma’ San Mark, filwaqt li San Pawl ħa miegħu lil San Sila, u t-tnejn marru jżuru l-Knejjes fl-Asja Minuri.
Għandna ftit informazzjoni dwar San Barnaba wara dan l-episodju. Huwa maħsub li San Barnaba kompla x-xogħol appostoliku tiegħu f’Ċipru fejn sofra l-martirju.