Illum qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ Corpus Christi, il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù. Il-qari tal-quddiesa kollha jiffukaw b’xi mod fuq din it-tema. L-ewwel qari mill-ktieb tad-Dewteronomju tenfassiza wkoll l-importanza tal-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tagħna.
L-Evanġelju tal-lum huwa minn San Ġwann, li ma jagħtix ir-rakkont tal-aħħar ċena kif qegħda fl-evanġelji l-oħra, imma minflok insibu diskors twil tal-ġrajja tat-tkattir tal-ħobż u ħut. Wara dan il-miraklu, jew kif imsejħa fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, sinjal, in-nies aktar ifittxu lil Ġesù. Lin-nies jgħidilhom li l-manna fid-deżert sostniet lil-Lhud fid-deżert. Imma din tagħthom biss is-saħħa fiżika meħtieġa. Issa Ġesù, jgħid li hu l-ħobż tal-ħajja, u dan mhux bħall-manna, għax l-effett tal-manna hu temporanju, Ġesù wegħdna li l-ġisem tiegħu jagħtina s-salvazzjoni ta’ dejjem.
Min sema’ lil Ġesù jgħid dan il-kliem, li se jagħti ġismu bħala ikel, ma setgħax jifhmuh. Imma dak li jagħmel Alla, aħna mhux bil-fors nifmuh. Għalhekk jissejjaħ misteru. Misteru mhuwiex xi sigriet li Alla jrid jaħbi minna allura jkollna nemmnuh ta’ bilfors. Misteru huwa xi ħaġa li bil-limitazzjonijiet tal-moħħ tagħna aħna ma aħniex se naslu li nifhmu. Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu u aktar ma nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, aktar nifhmu l-misteri, iżda mhux se nifhmuhom jew nirraġunawhom bħalma nsolvu xi problema matematika!
Meta nitqarbnu Ġesù isir parti minna, kif il-ħobż u l-inbid isiru parti minn ġisimna, Ġesù jsir parti mir-ruħ tagħna. Hekk kif l-Ispirtu s-Santu jibdel il-ħobż u l-inbid, fil-ġisem u demm ta’ Kristu, hekk jgħin lilna wkoll biex bit-tqarbin nersqu eqreb ta’ Ġesù u tal-oħrajn.