Il-Bambina

It-Twelid tal-Imqaddsa Verġni Marija

Illum il-festa tat-Twelid tal-Imqaddsa Verġni Marija, jew kif nafuha wkoll, il-festa ta’ Marija Bambina jew il-Vitorja. Din hija festa solenni għalina l-Maltin, jiġifieri, il-Papa, fil-fatt kien Papa Franġisku li minħabba l-avvenimenti li ġraw f’Malta fit-8 ta’ Settembru, iddikjara li din il-festa tkun iċċelebrata bħala solennità, anke meta taħbat il-Ħadd.

Illum, aħna l-Maltin, ma niftakrux biss fit-twelid tal-Madonna, imma niftakru wkoll li bħal-lum, fl-1565, kien temm l-Assedju l-Kbir u aktar tard fl-1943, rajna t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Ma hemm xejn fl-Evanġelji dwar it-twelid tal-Madonna jew dwar it-tfulija tagħha. Li nafu huma minn kitbiet, imsejħa Apokrafa (jiġifieri kitbiet reliġjużi li nkitbu fiż-żminijiet li nkitbet l-Iskrittura, imma l-Knisja ma tqishomx li huma spirati mill-Ispirtu s-Santu, bħalma huma l-kotba tal-Bibbja). Nafu iżda li t-twelid tal-Madonna kien fil-pjan ta’ Alla biex iwettaq il-pjan ta’ salvazzjoni u jseħħ dak li kien miktub li “x-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el.” (Is 7, 14)

Skont it-tradizzjoni, omm u missier Marija, kienu Anna u Ġwakkin. Hi twieldet fir-raħal ta’ Nazaret u l-ġenituri tagħha nisslu fiha mħabba kbira lejn Alla u fidi qawwija fih. Dan nistgħu nixduh mit-tweġiba tagħha lill-Anġlu Gabrijel, meta qalilha li hi ser tkun Omm Alla. Minħabba l-fidi qawwija u soda tagħha, hi aċċettat il-pjan ta’ Alla għaliha. Dik l-‘iva’ ta’ Marija kellha impatt tant kbir, li għandna nħossuh sal-lum.

L-Evanġelju tal-lum, huwa mill-bidu ta’ San Mattew u jagħti lista’ twila ta’ ismijiet, jibda minn Abraham sakemm jasal f’Ġesù. Hija l-ġenealoġija ta’ Ġesù. Għalkemm jista’ jkun li ma nibqgħux attenti għall-ismijiet, huwa tajjeb li narawhom sew u nkunu nafu min huma. Hija lista twila li tinkludi, irġiel u nisa, u fiha wkoll nies li għexu sew u oħrajn li għamlu għażliet ħżiena ħafna. Dan jurina li Alla ma jużax biss nies li huma mexjin fit-triq it-tajba, iżda jagħżel lil kulħadd, jagħżel nies bħalna li ma aħniex perfetti. Din il-lista ta’ nies li huma umani bħalna, turina li Alla dejjem żamm il-wegħda tiegħu li jimxi mal-poplu tiegħu.

F’din is-silta nisimgħu dwar it-tnissil ta’ Ġesù. Nafu li Marija ħarġet tqila qabel ma kienet qed tgħix ma’ Ġużeppi. Ġużeppi kien raġel ġust. Kieku kellu jimxi mal-liġi, hu kien jiċħad lil Marija u titħaġġar. Iżda hu kellu l-biża’ ta’ Alla, hu kellu fidi f’Alla, għalhekk aċċetta l-messaġġ li ngħata, biex jieħu lil Marija b’martu u jaċċetta lit-tarbija bħala l-Messija mwiegħed.

Aħna lkoll twelidna minn omm, u aħna wkoll ġenituri. Jekk inħarsu lura nindunaw li dak li aħna llum, kellhom effett fuqu dawk li rabbewna. Fi tfulitu, Ġesù kien immexxi minn ommu Marija. U nafu li anke meta beda l-ħajja pubblika tiegħu, Marija kienet preżenti wkoll, u baqgħet miegħu sa taħt is-salib. Kemm Marija, kif ukoll Ġużeppi wettqu l-missjoni tagħhom, kienu ġenituri tajba għal Ġesù u dejjem baqgħu fidili lejn Alla. Alla kien magħhom dejjem. Lilna Alla fdalna lill-uliedna. Kif qegħdin inwettqu din il-missjoni tagħna? Aħna kif qegħdin ninfluenzaw lit-tfal tagħna? Qegħdin inġibu ruħna ta’ ġenituri nsara? Bħal Marija u Ġużeppi, irridu nafdaw fih u nagħmlu dak li jixtieq. U Alla jkun magħna, imexxina u jipprovdilna dak li għandna bżonn.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 1, 1-16. 18-23)

Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, Bin David, bin Abraham. Abraham nissel ’l Iżakk, Iżakk nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġuda u ’l ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel ’il Għaminadab, Għaminadab nissel ’il Naħson, Naħson nissel ’il Salmon, Salmon nissel ’il Bogħoż, minn Raħab, Bogħoż nissel ’il Għobed, minn Rut, Għobed nissel ’il Ġesse.

Ġesse nissel lis-sultan David, David nissel ’il Salamun, mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel ’il Robogħam, Robogħam nissel ’l Abija, Abija nissel ’l Asa, Asa nissel ’il Ġosafat, Ġosafat nissel ’il Ġoram, Ġoram nissel ’il Għużżija, Għużżija nissel ’il Ġoatam, Ġoatam nissel ’l Aħaż, Aħaż nissel ’il Ħeżekija, Ħeżekija nissel ’il Manasse, Manasse nissel ’l Amon, Amon nissel ’il Ġosija, Ġosija nissel ’il Ġekonija u ’l ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babel.

Wara l-eżilju f’Babel, Ġekonija nissel ’il Salatjel, Salatjel nissel ’il Żorobabel, Żorobabel nissel ’l Abihud, Abihud nissel ’l Eljakim, Eljakim nissel ’l Ażor, Ażor nissel ’il Sadok, Sadok nissel ’l Akim, Akim nissel ’l Elihud, Elihud nissel ’l Elgħażar, Elgħażar nissel ’il Mattan, Mattan nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù, li jsejħulu Kristu.

It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.

Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Illum nagħtu ġieh lil Marija, u bħala familja nitolbu r-rużarju.
  4. Bl-‘iva’ ta’ Marija, Alla wettaq il-pjan ta’ salvazzjoni. X’qiegħed jistaqsik Alla llum? Ħalli lil Alla jurik xi jrid, billi tgħaddi ħin fis-skiet u meditazzjoni. Itlob lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinnek tagħraf dak li Alla jrid minnek. Illum, għalxiex se ngħid ‘iva’ lil Alla?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (1, 1-16. 18-23)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm Bibbja u x-xemgħa, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Meta hu l-birthday tagħkom?

Illum il-birthday tal-Madonna. Tgħid nistgħu nagħtuha xi rigal? Ejjew nisimgħu l-Evanġelju tal-lum, mhux se nisimgħu dwar il-ġurnata meta twieldet, minflok se nisimgħu l-ismijiet ta’ ħafna nies!

  • Bħal Marija u Ġużeppi, aħna għandna nafdaw f’Alla
  • Il-printout tal-attività fuq kartonċina bajda
  • Imqass
  • Kuluri
  • Glitter jew gel pens  

Min huma l-ġenituri tagħkom?

U n-nanniet tagħkom?

U l-ġenituri tan-nanniet tagħkom?

Din il-lista li smajna hija tal-familja ta’ Ġesù! Fl-aħħar jissemmew San Ġużepp u l-Madonna. Dawn it-tnejn kienu jħobbu u jafdaw ħafna f’Alla. Tafu xi tfisser tafda f’xi ħadd?

Pereżempju jekk qed taqsam it-triq u hemm il-ġenituri miegħek, inti tafdhom u taqsam meta jgħidulek, għax taf li huma jħobbuk u mhux se jpoġġuk f’periklu. Meta jsajrulek xi ħaġa, tafdhom li dak li hemm fl-ikel tajjeb għalik u mhux se jagħmillek id-deni. Meta nafdaw lil xi ħadd, ifisser nafu li dik il-persuna se tieħu ħsiebna u tgħidilna l-verità. Għalhekk anke meta tgħidilna nagħmlu xi ħaġa, u forsi aħna ma nistgħux nifhmu għalfejn qed tistaqsina nagħmluha, aħna nafdawha u nagħmlu dak li qed tistaqsina nagħmlu.

San Ġużepp u l-Madonna hekk għamlu. It-tnejn kienu jafdaw f’Alla. Meta l-anġlu Gabrijel qal lill-Madonna li hi kienet se ssir il-mama ta’ Ġesù, hi ma fehmitx. Imma qalet, jekk Alla jrid li nagħmel dan, hekk se nagħmel. U lanqas San Ġużepp ma fehem dak li qallu l-anġlu, imma minħabba li Alla staqsieh biex jieħu lil Marija b’martu, huwa hekk għamel. U għalkemm b’din l-għażla li għamlu l-ħajja tagħhom ma kinitx faċli, huma kienu jafu li Alla kien magħhom dejjem u kien qiegħed jgħinhom.

Alla lilna jħobbna ħafna. Bħal Marija u Ġużeppi, aħna għandna nafdaw f’Alla. X’taħsbu li qiegħed jistaqsina nagħmlu Alla? (nħallu lit-tfal jagħtu tweġibiet tagħhom)

Mhux dejjem se tkun faċli li nagħmlu dak li jixtieq Alla, imma bħal Marija u Ġużeppi għandna nobdu lil Alla, għax nafu li dak li jridna nagħmlu huwa għal ġid tagħna, u Alla jkun dejjem magħna.

Tiftakru x’għidna li qegħdin niċċelebraw illum? (il-birthday tal-Madonna)

Tixtiequ tagħtuha rigal lill-Madonna?

Rigal li nistgħu nagħtuha, huwa li ngħidu t-talba tas-Sliema. Fl-attività tal-lum se nagħmlu xi ħaġa qisha inkwatru tal-Madonna tifla, li qegħda mal-ġenituri tagħha, Sant’Anna u San Ġwakkin. Hemm ukoll it-talba tas-Sliema. Ipprintjaw l-attività fuq kartonċina u aqtgħu max-xifer. Agħtuha l-kulur u l-kliem tat-talba duru minn fuqhom bil-glitter jew gel pens. Meta tkunu lesti, itwu minn fejn kien hemm immarkat. Din tistgħu tħalluha ħdejn is-sodda, biex qabel torqdu u/jew meta tqumu, isellmu lill-Madonna u tgħidulha din it-talba.

Meta tkunu lesti, kantaw Who am I għax bħall-Madonna u San Ġużepp aħna t-tfal ta’ Alla u bħalhom irridu nobdu u nagħmlu dak li jixtieq Alla.

Inroddu s-Salib

Ngħidu t-talba tas-Sliema.

Introduzzjoni

Meta hu l-birthday tagħkom? Illum niċċelebraw il-birthday tal-Madonna!

  • Bħalma Alla għażel lill-Madonna biex tkun il-mama ta’ Ġesù, lilna wkoll għażilna biex nagħmlu affarijiet speċjali
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Lapes

Għalkemm illum niċċelebraw il-birthday tal-Madonna, l-Evanġelju ma kienx dwar hekk. Dan minħabba li din il-ġrajja ma nsibuha fl-ebda Evanġelju, nafu biss li twieldet u l-ewwel darba li tisemma fl-Evanġelju, hija meta l-anġlu Gabrijel imur għandha b’messaġġ mingħand Alla. Meta twieldet Marija, ħadd ma kien jafha. Twieldet ġo raħal żgħir, jismu Nazaret. Imma llum jekk mhux id-dinja kollha, il-maġġoranza tan-nies, kollha jafu min hi l-Madonna!

Għal Alla, aħna lkoll speċjali, u kif hu kellu pjan għall-Madonna, għandu wkoll pjan għalina. X’kien il-pjan li Alla kellu għall-Madonna? (li tkun il-mama ta’ Ġesù)

X’taħseb li Alla jrid mingħandek? (it-tfal jgħidu dak li jaħsbu)

Forsi għalissa ma tħossux li intom speċjali, u lanqas li dak li tagħmlu huwa speċjali, imma kunu żguri li Alla ħalaqna lkoll bi pjan sabiħ. Parti minn dan il-pjan, huwa biex bħal Marija, inwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn!

Kif nistgħu aħna nwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn? (nagħtu ċans għat-tweġibiet) (nitkellmu dwar Ġesù, ma niddejqux ngħidu li mmorru l-quddies, anzi nħajru ħbieb jiġu magħna, inkunu ħbieb ta’ vera, ngħinu fejn nistgħu, ma nweġġgħu lil ħadd, la bil-kliem  u lanqas b’dak li nagħmlu, naqsmu dak li għandna mal-oħrajn …)

Żgur li l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu huwa li nkunu nafuh aħna. Kif insiru nafu lil Ġesù? (nitolbu, imorru għall-quddies, naqraw il-Bibbja, speċjalment it-Testment il-Ġdid, imorru għal-laqgħat ta’ katekeżi)

Intom x’jogħġobkom l-aktar dwar il-birthday tagħhom? Li taqilgħu r-rigali?

Lill-Madonna nistgħu nagħtuha rigal ukoll. X’taħsbu li nistgħu nagħtuha? (agħtu ċans lit-tfal iwieġbu)

(ngħidu r-rużarju, imorru l-quddies, ngħinu lill-oħrajn, naqraw ġrajjiet mill-Bibbja fejn tissemma l-Madonna, inpoġġu fjuri quddiem l-istatwa jew inkwatru tal-Madonna, naqraw dwar id-dehriet tal-Madonna lil Bernardina u lit-tfal ġewwa Fatima.

Ftakru x’semmejtu u iktbu dawn ir-‘rigali’ li semmejtu fil-printout ta’ din il-ġimgħa. F’kull rigal, iktbu dak li se tagħtu lill-Madonna. Kif tħossok meta xi ħadd iwegħdek li se jagħtik xi ħaġa u ma jagħthielekx? Tiddejjaw hux hekk? Tkun diżappuntat/a. Mela dak li se nwegħdu lill-Madonna, naraw li nagħtuhula biex hi tieħu gost bina.

Wara li nlestu din l-attività nkantaw Do what’s right. Il-Madonna tgħallimna li għandna nagħmlu għażliet tajba, hi hekk għamlet, u hekk għandna nagħmlu aħna wkoll.

Inroddu s-salib.

Ngħidu t-talba li Marija qalet biex biha tfaħħar lil Alla, it-talba tal-Magnifikat .

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.