Bernardetta Soubirous kienet tfajla ta’ erbatax-sena, raħlija fqira, sempliċi, bla edukazzjoni u qasira. Hi kienet minn Lourdes fi Franza.
Kellha tfulija miżerabbli imma hi ma ma kinitx miżerabbli! Meta kienet għadha żgħira ħafna ħadet il-kolera u baqgħet tbati minn ażżma kronika severa. Kienet l-akbar minn sitt itfal, tlieta oħra mietu meta kienu żgħar. Għalkemm kienet marradija, il-ġranet tagħha kienu mimlijin b’xogħol iebes. Kellha tfalli l-iskola u l-katekiżmu minħabba l-ħafna xogħol li kienu jqabbduha. La kienet taf taqra u lanqas tikteb u ma ħallewhiex tirċievi l-Ewwel Tqarbina billi ma kinitx taf katekizmu.
Bernardette u l-familja tagħha kienu fqar immens, jgħixu ġo kamra żgħira li qabel kienet ċella tal-ħabs. Din kienet umda u kiesħa silġ u ħafna drabi mimlija ġrieden. Kellhom tliet sodod: waħda għall-ġenituri, oħra għall-bniet u l-oħra għas-subien. Din ir-raħlija sempliċi kienet magħżula biex tagħti l-messaġġ tal-imħabba t’Alla lill-umanità “bħala l-ulied addottivi tal-Omm Qaddisa Tiegħu.”
Bernardette kellha l-esperjenza ta’ tmintax-il dehra ġol-Grotta ta’ Lourdes. Anke wara din l-esperjenza singulari, Bernardette baqgħet tbati. Kienet imwaqqa’ għaċ-ċajt, u anke kienet imhedda bil-ħabs.
Hi daħlet fil-kunvent tas-Sorijiet tal-Karità u baqgħet hemm taħdem u tbati mingħajr ma kienet mogħtija l-ebda attenzjoni speċjali. Fis-skiet, kienet tbati tbatija kbira. Mardet serjament bit-tuberkulożi tal-pulmun u l-għadam. Din il-qaddisa umli mietet meta kellha biss ħamsa u tletin sena.
Illum miljuni ta’ nies iżuru l-Grotta ta’ Lourdes u jinżlu ġol-ilma ta’ nixxiegħa li kienet bdiet f’waħda mid-dehriet u għadha tnixxi s’issa. Minħabba f’hekk, il-ħdax ta’ Frar li hi d-data tal-ewwel dehra, hija ddedikata bħala l-ġurnata dinjija tal-Morda. Kien f’Lourdes li l-Madonna ddikjarat lil Bernardette li Hi kienet “L-Immakulata Kunċizzjoni.” Erba’ snin qabel, il-Papa kien iddikjara bħala verita’ tal-fidi Kattolika (Dogma) li l-Madonna ma kinitx imtebba’ bid-dnub sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.