Bżonn jew xewqa?

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba biex nagħraf il-bżonnijiet mix-xewqat

Ġieli tirranġa xi kamra u tinduna kemm għandna affarijiet żejda? U imbagħad tkun qed tqalleb it-televixin u tara riklami jew dokumentarji dwar postijiet fejn bilkemm għandhom saqaf fuq rashom? Fl-Evanġelju Ġesù jfaħħar lill-mara xwejħa li fit-tempju tefgħat ftit ċenteżmi. Ma tefgħatx ħafna imma tefgħat dak kollu li kellha. Oħrajn li daħku biha tefgħu ħafna iżjed imma dan kien miż-żejjed tagħhom.

  • Aħseb ftit fuq dawk it-tfal li lanqas għandhom fejn jorqdu u anke f’dik ix-xwejħa tal-Evanġelju li tat kulma kellha. 
  • Aħseb ftit fuq l-affarijiet li għandek inti u għamel lista tagħhom.
  • Ħares lejn il-lista u mmarka liema huma bżonnijiet u dawk li huma xewqat.
  • Aqbad xi oġġett jew tnejn mil-lista tax-xewqat u mal-ewwel ċans li jkollok għaddih lil xi istituzzjoni li tgħin lil tfal inqas ixxurtjati minnek.
  • Itlob għal dawk kollha li jinsabu fil-bżonn u sabiex nagħrfu iżjed x’inhuma l-bżonnijiet mix-xewqat.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.