Illum nagħtu ġieh lil żewġ qaddisin kbar, li bejniethom l-missjoni tal-Knisja titwassal kemm lil-Lhud (Pietru) u lill-Ġentili (Pawlu), fi kliem ieħor, lid-dinja kollha. It-tnejn huma personaġġi importanti fil-Knisja tal-bidu. San Pietru li Ġesù jsejjaħlu “blata” huwa dak li Ġesù jafdalu l-Knisja u jagħtih, “l-imfietah tas-Saltna tas-Smewwiet.” San Pawl (magħruf bħala Sawl) sar nisrani fit-triq lejn Damasku, wara li l-ltaqa’ ma’ ‘Kristu rxoxt’ u vjaġġja bla waqfien biex jippriedka lil Kristu.
Fl-Evanġelju, Ġesù jistaqsi lid-dixxipli, in-nies min kien jgħidu li hu. Dak in-nhar kienu fl-inħawi ta’ Ċesarija Filippi, fit-tramuntana tal-Baħar tal-Galilea. Din il-ġrajja nsibuha kemm fl-Evanġelju ta’ San Mark, kif ukoll f’ta’ San Mattew. Għal din il-mistoqsija, Pietru jwieġeb, li Ġesù huwa l-Messija, l-Iben t’Alla. Din hija l-istqarrija ta’ fidi ta’ Pietru. Fl-Evanġelju skont San Luqa, din il-mistoqsija ssir waqt li Ġesù kien qiegħed jitlob. Ġesù jistaqsi lid-dixxipli, min kienu jaħsbu li hu, u Pietru, għan-nom tal-oħrajn jgħid li Ġesù huwa il-“Kristu”. ‘Kristu’ hija l-kelma Griega, għall-kelma ‘Messija’ bl-Ebrajk, u din tfisser ‘il-midluk.’ Ġesu jagħti isem ġdid lil Pietru (dak iż-żmien dan l-isem kien għadu mhux magħruf) u jagħtih ukoll missjoni biex jgħallem. Din hija l-ewwel referenza għall-kelma ‘Knisja’ fit-Testment il-Ġdid. Il-Knisja, fil-persuna ta’ Pietru magħqud mal-appostli (u llum l-Isqfijiet magħqudin mal-Papa u mmexxijin minnu) ingħatat il-qawwa tal-‘imfietaħ’ tas-salta tas-Sema, jiġifieri l-qawwa li ‘torbot’ u ‘tħoll’ fejn tidħol il-maħfra tad-dnubiet. Pietru ngħata rwol speċjali u għalhekk ingħata l-grazzja li jagħraf l-identità vera ta’ Ġesù. Pietru huwa l-pedament tal-Knisja (l-ewwel Papa). San Pawl ukoll ixandar lil Ġesù bħala l-Iben ta’ Alla’ wara l-konverżjoni tiegħu u jagħmilha l-missjoni tiegħu li jwassal dan il-messaġġ lill-ġentili. Fit-tieni qari tal-lum, fl-ittra ta’ Pawlu, mill-ħabs, lil Timotju, hu jitkellem dwar it-tbatija li kien għaddej minnha u l-mewt li kienet fil-viċin. Pawlu huwa sod fil-fidi tiegħu, u jibqa’ bla waqfien, ifaħħar u jagħti glorja lil Alla.
It-tradizzjoni tgħid li kemm Pietru u anke Pawlu, ingħataw il-martirju f’Ruma. Ir-responsabbiltà għat-tkomplija tal-istqarrija tal-fidi ġiet mgħoddija lill-Isqof ta’ Ruma, il-Papa, kap tal-Knisja Kattolika.