Fih sibt l-għaxqa tiegħi

L-Magħmudija tal-Mulej

Illum niġu fi tmien iż-Żmien tal-Milied, biċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija tal-Mulej. Hija ċelebrazzjoni li ġġalna nistaqsu għalfejn kellu jitgħammed Ġesù? Ġesù li kien bla l-ebda tebgħa ta’ dnub, ma kellux għalfejn jitgħammed. Fil-fatt anke Ġwanni stess tħawwad u lil Ġesù qallu, “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?” Ġesù, huwa Alla, li sar bniedem bħala u biex ikun bħalna, għex u obda l-liġijiet ta’ dak iż-żmien. Ġesù kien f’soledarjetà sħiħ magħna l-bnedmin, minbarra d-dnub. Ġesù jurina dak li għandna nagħmlu aħna biex insalvaw, hu mexa t-triq qabilna. Ġesù hu l-“Għimmanu-El”, Alla huwa verament magħna, b’xi mod jew ieħor, dak li ngħaddu minnu aħna, Alla bħala bniedem – Ġesù, għadda minnu wkoll. Alla tagħna mhux bħal xi alla li naqraw dwaru jew naraw f’xi film li jirrenja fuq in-nies u jikkastighom għall-imġieba tagħhom. Alla huwa dak li nistgħu nafdaw, huwa dak li nistgħu nimxu warajh, għax fl-imħabba tiegħu hu miexi magħna, biex iwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.  Dak li Alla qed jistaqsina biex nagħmlu, hu għadda minnu bħala bniedem, b’xi mod jew ieħor.  

Il-magħmudija ta’ Ġesù, tfakkarna fil-magħmudija tagħna. Huwa żball li naħsbu li din kienet ċelebrazzjoni li saret, għall-maġġoranza tagħna meta konna trabi u daqshekk. Il-magħmudija hija sagrament li timmarkana għall-ħajjitna kollha u wkoll tpoġġi fuqna ċerta responsabbiltajiet. Bħala nsara mgħammda, aħna obbligati li naqsmu l-fidi tagħna. Bħala ġenituri l-ewwel obbligu tagħna huwa lejn uliedna. Mhuwiex biżżejjed li nibgħatu lit-tfal għal-laqgħat ta’ katekeżi, lanqas ma hu biżżejjed li neħduhom il-quddies kull nhar ta’ Ħadd. Dan huwa tajjeb, u hekk għandu jkun, imma rridu wkoll bil-kliem u bl-għemil tagħna nagħtuhom eżempju tajjeb.  

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 3, 13-17)  

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed. 

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”. 

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Wara l-magħmudija ta’ Ġesù, leħen Alla Missier qal “Dan hu Ibni l-għażiż.” Ieqaf ftit u aħseb, dan huwa l-istess kliem li qal Alla fil-magħmudija tiegħek. Xi jfisser għalik, speċjalment illum? Kif tħossok li Alla qed iħares lejk u jgħid, “Dan hu ibni l-għażiż / Din hi binti l-għażiża”? 
  4. Il-ġurnata tal-magħmudija tagħna hija waħda mill-aqwa ġranet ta’ ħajjitna, ngħixu kemm ngħixu. Hemm avvenimenti bħad-data ta’ twelid, anniversarji u oħrajn li niftakruhom u niċċelebrawhom ta’ kull sena. Minn din is-sena, ibdew iċċelebraw flimkien id-data ta’ meta kull persuna tal-familja, kellha l-magħamudija tagħha.  
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (3, 13-17)
    ii. Xemgħa bajda kbira
    iii. Ilma mbierek (jekk għandek, kulħadd jagħmel salib fuq moħħu bl-ilma mbierek, biex niftakru fil-magħmudija tagħna)  
    iv. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Għalkemm għadna fi żmien il-Milied, illum se nisimgħu ġrajja meta Ġesù ma għadux tarbija jew tifel żgħir, iżda kiber u sar raġel!  L-Evanġelju tal-lum huwa dwar il-magħmudija ta’ Ġesù. Aħna nitgħamdu meta nkunu għadna żgħar ħafna. Ejjew nisimgħu x’ġara meta tgħammed Ġesù. 

  • Meta nitgħamdu nsiru parti mill-familja ta’ Alla 
  • Ritratti tal-magħmudija tal-membri tal-familja 

X’tiftakru mill-istorja tal-lum? 

Għand min mar Ġesù, biex jitgħammed? (Ġwanni) 
X’kien jisimha x-xmara fejn kien jgħammed Ġwanni? (Ġordan) 
L-Ispirtu s-Santu deher wara li tgħammed Ġesù. X’forma kien l-Ispirtu s-Santu? (ħamiema) 
Tiftakru x’qal il-leħen mis-smewwiet? (“Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”) 

Dan il-leħen kien ta’ Alla l-Missier. B’dan il-kliem, ridt jgħidilna li Ġesù kien it-tifel tiegħu, u hu kien ferħan u kburi bih. Il-ġenituri tagħkom, meta jkunu ferħana u kburin bikom? (huma dejjem ferħana u kburin bikom, speċjalment meta tagħmlu dak li hu tajjeb) 

Intom tafu meta tgħammidtu?  

Intom tafu li Alla l-Missier huwa ferħan u kburi bina wkoll? Aħna sirna parti mill-familja ta’ Alla meta tgħammidna, u Alla vera ferħan bina u jħobbna ħafna wkoll. Alla ferħan u jħobbna, mhux dak in-nhar tal-magħmudija tagħna biss, imma Alla jħobbna u ferħan bina kuljum. 

Ħarsu lejn ir-ritratti tal-magħmudija. X’qed taraw? X’hemm differenti? 

Fir-ritratt tal-magħmudija tagħkom, minbarra l-ġenituri, u s-saċerdot li għammidkom, hemm 2 min-nies oħra. Tafu min huma dawn? 

Dawn huma l-parrini, li bħall-ġenituri tagħkom, iħobbukom u jixtiequ li ssiru ħbieb kbar ta’ Ġesù. Matul din il-ġimgħa ppruvaw ftehmu mal-ġenituri u mal-parrini tagħkom, u flimkien morru fil-knisja fejn tgħammidtu intom. (nota lill-ġenituri u lill-parrini, meta tidħlu l-knisja, sibu l-fonti tal-ilma mbierek u bl-ilma imbierek għamlu sinjal tas-salib fuq moħħ it-tifel/tifla u jekk hemm aktar tfal, fuqhom u fl-aħħar fuq moħħkom ukoll). Dan is-sinjal tas-salib ifakkarna fil-magħmudija tagħna. Araw fejn hu l-battisteru u flimkien irringrazzjaw lil Ġesù tal-ġurnata meta tgħammidtu u tan-nies bħall-ġenituri u parrini li jħobbukom ħafna u jixtiequkom issiru tafu u tħobbu lil Ġesù. Wara din iż-żjara komplu ċ-ċelebrazzjoni b’xi ħarġa flimkien. 

Inroddu s-Salib 

Mulej Alla, grazzi tar-rigal tal-magħmudija. Missier Alla, grazzi li aħna t-tfal tiegħek u inti tħobbna, bħalma tħobb lil Ġesù. Għinna biex bħal Ġesù, aħna dejjem nogħġbuk b’dak li nagħmlu u ngħidu. Ammen. 

Fl-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra, Ġesù kien għadu tifel żgħir, din il-ġimgħa kiber u sar raġel! L-Evanġelju tal-lum huwa dwar il-magħmudija ta’ Ġesù. 

  • Aħna wlied Alla 
  • Xejn

X’tiftakru minn dak li smajna? 

Ġesù ma kellux għalfejn jitgħammed. Meta nitgħamdu, ġeneralment inkunu għadna trabi, jinħafrilna dak li nsejħulu d-dnub orġinali.  Dan mhux dnub li nkunu għamilna aħna, la darba għandna żgħar ħafna, iżda huwa xi ħaġa li wrietna, il-ġibda li għandna biex nagħmlu dak li hu ħażin. Ġesù qatt ma għamel dnub, għalhekk ma kellux għalfejn jitgħammed. Iżda hu tgħammed biex ikun ta’ eżempju għalina, ried jurina x’għandna nagħmlu aħna. Ġesù ried ikun bħalna.  

Hekk kif tgħammed, ġrat xi ħaġa tal-għaġeb. L-Ispirtu s-Santu deher bħall-ħamiema u nstema’ leħen li qal, “dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi.” Dan il-kliem ineħħi kull dubju min kien Ġesù. Ġesù hu Iben Alla. L-Evanġelju tal-lum, mhux importanti biss minħabba li juri min hu Ġesù, iżda wkoll għax ifakkarna fil-magħmudija tagħna. Bħal Ġesù, aħna msejħa biex ngħixu f’imħabba għall-oħrajn, u kuljum nagħmlu dak li jixtieq Alla. Meta Ġesù tgħammed minn Ġwanni, kif kienu qed jagħmlu nies oħra, hu ried jurina li għalkemm ma kellux għalfejn jitgħammed, ried li aħna narawh bħala bniedem bħalna. Alla sar bniedem biex bħalna jgħix ħajja li ma tatinix biss ferħ, imma fiha tbatija ukoll. Ġesù għix din il-ħajja bit-tbatijiet tagħha. Ġesù jaf xi tfisser li tkun bniedem, jifhem dak li ngħaddu minnu aħna, ta’ kuljum. Ġesù sar bniedem biex aħna qatt ma nħossuna waħedna.  

Fil-magħmudija tagħna, ġara xi ħaġa simili ta’ dak li ġara fil-magħmudija ta’ Ġesù. Fil-magħmudija ta’ Ġesù, Alla l-Missier qal, “dan hu Ibni l-għażiż.” Meta tgħammidna aħna, Alla l-Missier għamilna uliedu, u qalilna, “dan hu ibni l-għażiż” / “din hi binti l-għażiża.” Dan l-Evanġelju għalhekk ma juriniex biss min hu Ġesù, imma juri lilna wkoll min aħna. Nagħmlu x’nagħmlu, din il-verità dejjem tibqa’, aħna wlied maħbuba ta’ Alla!  

Jekk Ġesù sar bniedem bħalna biex jurina kif għandna ngħixu, x’inhuma xi affarijiet li għandna nagħmlu aħna biex inkunu bħalu? (inkunu ħbieb tajba, ngħinu kif nistgħu, ma ngħidux kliem li jweġġa’, nieħdu ħsieb xulxin, ma nitkabbrux …) 

Il-ġurnata tal-magħmudija tagħna, hija ġurnata speċjali ħafna. Tafu meta hi din il-ġurnata? Jekk le, staqsu lill-ġenituri tagħkom. Staqsuhom ukoll min kienu l-parrini tagħkom. Morru flimkien fil-knisja fejn kellkom il-magħmudija u hemmhekk ħdejn il-battisteru erġgħu ġeddu l-wegħdiet li saru dak in-nhar f’isimkom. (Dawn il-wegħdiet tistgħu ssibuhom hawn.   

Inroddu s-salib

Mulej Alla, aħna wliedek. Għinna biex ta’ kuljum aħna nagħmlu għażliet skont ma tixtieq inti. Agħtina l-kuraġġ biex ngħixu mal-oħrajn bħall-aħwa. Dan nitolbuh f’isem ħuna Ġesù. Ammen.  

Isimgħu, Child of God.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.