Naqraw
Luqa 11, 1-13
1Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.” 2U qalilhom: “Meta titolbu, għidu,
‘Missier, jitqaddes ismek,
tiġi Saltnatek.
3Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
4U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min
hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’ ”
5Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, 6għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’ 7U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’8Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: 9Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. 10Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. 11Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? 12Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? 13Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”
Nitolbu
Għażiż Ġesù, għinni nitlob it-talba speċjali tal-Missierna kuljum, għax meta nagħmel dan, inkun qed nitkellem ma’ Alla u nersaq aktar fil-qrib tiegħu. Ammen.
Ngħixu
Fit-talba tal-Missierna, nitolbu lil Alla biex jagħtina ‘l-ħobż ta’ kuljum.’ Il-ħobż tagħna ta’ kuljum, huma l-bżonnijiet tagħna. Hawn tfal li huma foqra, ma għandhomx ikel biżżejjed, jew ħwejjeġ biex ikunu jistgħu jgħixu sew. Alla jrid jużana biex ngħinu lil dawn it-tfal.
Illum nagħtu flus għall-karità.
Attività