Naqraw
Ġwanni 6, 1-15
1Wara dan, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. 2Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda.3Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu.4Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.5Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” 6Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. 7Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit.” 8Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu:9“Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” 10“Qiegħdu n-nies bilqiegħda,” qal Ġesù. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. 11Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. 12Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.” 13Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu. 14Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”15Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.
Nitolbu
Għażiż Mulej, Ġesù uża l-ikel ta’ tifel żgħir biex jitma’ ħamest elef persuna. Agħmel li llum ngħinu kemm jista’ jkun nies, fid-dar u fl-iskola. Għinni naqsam dak li għandi mal-oħrajn. Ammen.
Ngħixu
Dak it-tifel qasam kull ma kellu ma dawk li marru jisimgħu lil Ġesù. Aħna nsibuha faċli li naqsmu dak li għandna, mal-oħrajn?
Illum insumu mill-egoiżmu u naqsmu ikel, logħob, toys, u dak li għandna, mal-oħrajn.
Attività