L-Evanġelju tal-lum jista’ jinħass diffiċli u jħawwdek xi ftit kif taqrah għall-ewwel darba. Irridu nifhmu li dan l-Evanġelju nkiteb primarjament għal udjenza Lhudija. Il-Lhud kienu ilhom jistennew lill-Messija, iżda ħafna m’aċċettawx lil Ġesù bħala Iben Alla, il-Messija mwiegħed. F’dan l-isfond, wieħed aktar jifhem meta Ġesù iwissi li “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi.” Minħabba li kien hemm ħafna mil-Lhud li ma aċċettawx lil Ġesù, allura kien hemm sitwazzjonijiet fejn membri mill-istess familja emmnu f’Ġesù u oħrajn le. Minabba f’hekk, feġġew diversi firdiet, kif ukoll f’deċiżjonijiet iebsa, fejn wieħed kellu jitbiegħed minn dawk għeżież għalih.
F’din is-silta, Ġesù qiegħed jenfasizza żewġ affarijiet: l-ewwel li l-fidi tagħna għandha tingħata priorità f’ħajjitna u t-tieni li rridu naċċettaw lil xulxin – li jkun hemm l-ospitalità bejnietna. Ġesù jsemmi s-salib li rridu nġorru. Biex nimxu warajh ma nistgħux naċċettaw kompromessi. Ma nistgħux inkunu sieq l-hemm u sieq ‘l hawn.