L-Evanġelju tal-lum skont San Mark, jirrakkonta l-Aħħar Ċena, għalkemm fil-fatt, parti kbira minnu hija aktar dwar it-tħejjija tal-ikla u mhux dwar l-ikla nnifisha. Dan mhux qiegħed hemm mingħajr ħsieb. L-Aħħar Ikla, għalina l-insara illum, tissarraf fl-Ewkaristija. Illum Ġesù qiegħed jurina l-importanza tat-tħejjija tagħna għal dan il-mument kbir, għal dan ir-rigal li hu joffrielna ta’ kuljum.
Il-festa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù, jew Corpus Christi, mhix hemm biex iżżid purċissjoni oħra, jew biex tagħti ċans lit-tfal li għamlu l-Ewwel Tqarbina, jerġgħu jilbsu l-ilbiesi tagħhom u jduru mat-toroq tal-parroċċa. L-għan ta’ din il-festa, hija biex iddaħħalna f’qoxritna u nistaqsu b’sinċerità xi tfisser l-Ewkaristija għalina. Ġesù jgħid: “Dan hu ġismi…dan hu Demmi”. Il-verb ‘hu’ qiegħed hemm biex juri li l-ħobż u l-inbid inbidlu u saru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Ma użax ‘bħal’ jew ‘qisu’ imma ‘hu’. Il-konsagrazzjoni ma tfissirx li l-ħobż u l-inbid isiru simboli tal-Ġisem u Demm ta’ Ġesù, iżda l-bidla ssir b’mod reali. Ma nistgħux nifhmu kif dan iseħħ. Dan huwa miraklu, mirakli huma misteru. Kif għidna l-ġimgħa l-oħra, misteru mhux sigriet li Alla ma jridx li nifhmuh, iżda huwa dak li bil-limitazzjoni ta’ moħħna mhux possibbli li nifhmuh. Lanqas ma jfisser li naċċettah u daqshekk. Meta nasal li nemmen b’qalbi kollha li dik l-ostja li qed nirċievi hija vera Ġesù, allura l-attitudni u mġieba tiegħi ma tistax tibqa’ l-istess.
Diffiċli li temmen dak li ma tarax. Dawn huma xi għajnuniet biex jgħinnuna nikbru fit-twemmin tagħna li Ġesù huwa preżenti b’mod reali fl-Ewkaristija.
Dawn huma għajnuniet biex idaħħluna aktar fil-misteru tal-Ewkaristija. Jekk il-quddiesa u t-tqarbin huma biss rutina jew obbligu, mhux ser iħallu ġid fina. L-attitudni tagħna ta’ reverenza u tħejjija, ser tbiddel ftit ftit din l-indifferenza u tgħinna nagħrfu r-rigal kbir u l-għajnuna li nistgħu niksbu mill-Ewkaristija.