Illum Ħadd il-Palm u għalhekk nagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa. Dawn huma ġranet, meta aħna nimxu wara Ġesù fil-vjaġġ tiegħu lejn is-salib, u li jwassluna wkoll għall-qawmien tiegħu fl-Għid il-Kbir. Il-Liturġija tibda b’purċissjoni bil-palm biex niftakru fid-daħla trijonfali ta’ Ġesù, f’Ġerusalemm. Ġesù daħal Ġerusalemm riekeb fuq ħmara, waqt li n-nies kienu qed ixejru l-friegħi tal-palm u firxu l-mantari tagħhom fit-triq biex Ġesù jgħaddi minn fuqhom. L-għajjat tagħhom ta’ “Hosanna,” kif, fi ftit ġranet tinbidel f’“ssallbu”? Ġesù kien sejjer lejn is-salib, fejn kellu permezz tat-tislib, jerfa’ miegħu lil kull persuna. Il-purċissjoni tal-lum, tinkoraġġina biex nimxu ma’ Ġesù fil-ġrajjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid.
Il-qari huwa dejjem l-istess, għalkemm l-Evanġelju jinbidel skont iċ-ċiklu. Fis-Sena A, nisimgħu r-rakkont tal-passjoni ta’ Ġesù, skont San Mattew. Kull evanġelista jirrakkonta din il-ġrajja mill-perspettiva tiegħu. Mattew jikteb għall-insara Lhud, meta huma kienu qed jinqatgħu mis-sinagoga. Mattew jassigurhom li l-passjoni ta’ Ġesù kienet twettaq dak li kien hemm miktub fl-iskrittura Lhudija. Il-mewt kiefra ta’ Ġesù ma kienitx xi kumbinazzjoni, iżda parti mill-misteru tal-pjan ta’ Alla. Bi ħsieb, Mattew jikkwota l-iskrittura Lhudija biex juri li Ġesù kien verament il-Messija mwiegħed. Mattew irid juri li l-passjoni u l-mewt umiljanti ta’ Ġesù kienu “jagħmlu sens.” Hu jagħmel dan billi jenfasizza li l-passjoni ta’ Ġesù, kienet parti mill-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tad-dinja kollha. Qalb Ġesù kienet mimlija bl-imħabba li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna. Hu miet fuq is-salib għax iħobbna. Interessanti li wieħed jinnota t-tweġibiet ta’ Ġuda u ta’ Pietru meta huma jiġu wiċċ imb’wiċċ maċ-ċaħda ta’ Ġesù. Xi drabi aħna bħal Ġuda li ttradixxa lil Ġesù u ddispjaċih. Xi drabi nkunu bħal Pietru u qal li ma kienx jafu, jew bħad-dixxipli li raqdu meta Ġesù kien f’siegħa ta’ dlam fil-ġnien taż-Żebbuġ, iżda kellhom reazzjoni vjolenti meta Ġesù ġie arrestat. Hemm drabi meta nkunu bħal Xmun, li kien sfurzat iġorr is-salib ta’ Ġesù. Ġieli nkunu bħall-mexxeja li beżgħu minn Ġesù, jew bħal Ponzju Pilatu li ħasel idejh mill-biċċa kollha. Hemm ġranet meta nsibuha diffiċli li nkunu ġenituri, iżda l-lezzjoni li nitgħallmu llum, mill-passjoni ta’ Ġesù, hi li, ir-rikonċiljazzjoni u l-fejqan iġibulna aktar ferħ, milli l-imrar tad-disprament. Alla jrid li nemmnu f’Ġesù, nimxu warajh u nadurawh, waqt li nagħrfuh bħala l-Mulej u Salvatur tagħna. Aħna msejħa nerfgħu s-salib tagħna u nimxu wara Ġesù, u nbatu bħalma għamel hu. Matul din il-Ġimgħa Mqaddsa, kollha kemm aħna, nistgħu nikbru fl-imħabba, devozzjoni u qima lejn Ġesù imsallab. L-imsallab li hu s-Salvatur tad-dinja.