Id-dawl tad-dinja

Il-Ħames Ħadd ta' Matul is-Sena A

Is-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa hija waħda li tkebbes it-tama. Hija silta importanti għax fiha Ġesù jfakkarna fir-rwol kruċjali tagħna bħala dixxipli Tiegħu. Meta jqabbilna, Ġesù jagħżel li jqabbilna mal-“melħ tal-art”. Din il-metafora hija kumpliment, iżda hija aktar minn hekk. Biha Ġesu jiddeskrivi n-neċessità tal-preżenza tagħna fid-dinja. L-art għandha bżonn l-insara daqskemm għandha bżonn il-melħ. Tabilħaqq, il-vokazzjonijiet tagħna jistgħu ikunu differenti, imma kollha huma meħtieġa għas-sostenn tad-dinja u għall-ġid tal-bnedmin l-oħra. Dan għaliex?

Fil-missjonijiet differenti tagħna, ilkoll għandna xi ħaġa komuni: din hi s-sejħa tagħna li nagħtu unur lill-Missier u li nagħtu xhieda tiegħu. Ilkoll msejħin nesprimu l-imħabba u d-dawl tal-Missier, u dan għaliex, meta nagħmlu hekk, insiru “sinjali” – sinjali li jippuntaw lejn Alla – b’hekk ngħinu lil persuni oħra jibnu relazzjoni aħjar ma’ Alla. Infatti, dan hu dak li għamel Ġesù fil-ministeru Tiegħu. L-azzjonijiet tiegħu dejjem kienu sinjali – mogħdijiet li wasslu lill-oħrajn lejn il-Missier. Il-mistoqsija hi, kif nistgħu nagħmlu dan fid-dinja tal-lum?

Bit-tixrid tas-sekulariżmu, jista jinħass diffiċli – kważi impossibbli – għalina li nkunu “melħ” għad-dinja. Ħafna drabi jidher li d-dinja m’għandhiex bżonna u li nies oħra ma jimpurtahomx minn Alla. Tabilħaqq, f’ċertu sens nistgħu nħossuna bħall-Profeta żgħażugħ Ġeremija. Dan huwa magħruf bħala l-“profeta li jibki”, l-aktar minħabba l-fatt li jilmenta f’bosta okkażjonijiet. Hu kien ipprova jgħid il-kliem li Alla kien ordnah biex jitkellem, imma hu ħass li ħadd ma kien qed jisimgħu. Il-messaġġ tiegħu ma kienx messaġġ popolari. Għalhekk, għal darba wara l-oħra, Ġeremija ħass li d-dinja kollha kienet kontrih. F’ħin minnhom saħansitra jasal jgħid, “ma nsemmihx u lanqas nitkellem iktar f’ismu”.

Qabel ma niġġudikaw lil Ġeremija, forsi jkun tajjeb li nkunu konxji li xi wħud minna għamilna l-istess ħaġa wkoll meta l-affarijiet dehru diffiċli. Meta jiġu mumenti diffiċli minn kull naħa, ġieli naslu ngħidu, “Alla, għaliex jien?”. Jistaʼ jkun li nħossuna qalbna maqtuha għax il-missjoni tagħna tinħass diffiċli iż-żejjed.

Imma jekk kull meta nduru lejn ħaddieħor inħossuna injorati, allura l-għan tagħna għandu jkun li nduru lejn Alla għaliex hu qatt ma jinjora! Ma nistgħux niksbu l-enerġija u l-ispirazzjoni tagħna mid-dinja – nistgħu nirċievuha biss min dik l-imħabba li qatt ma tgħejja u li m’għandha ebda tmiem. Alla qatt mhu se jgħabbina b’aktar milli nifilhu. Iva, jista’ jkun li nħossni waħdi kultant. Jista’ jkun li nħoss li ħadd mhu qed jismagħni. Imma hemm wieħed li dejjem jisma’ l-biki tagħna; hemm xi ħadd li dejjem jaf il-weġgħat u d-diffikultajiet. Tgħaddi minn xiex tgħaddi, Alla dejjem jarak. Hu wiegħedna li se jżomm qrib tagħna aktar mill-aħwa. Wiegħed li qatt mhu se jitlaqna – li Hu se jkun hemm sa l-aħħar taż-żmien.

Il-qaddisin ukoll kellhom mumenti ta’ desolazzjoni u ta’ dlam. Ir-raġuni għaliex dejjem irnexxielhom jipperseveraw hi għax kienu dejjem miftuħa għall-għajnuna u l-grazzja ta’ Alla. Hawnhekk niftakar f’Santu Wistin; hu kellu bosta mumenti ta’ diffikultà u fallimenti. Fost dawn il-mumenti kollha, spiss kien jitlob. Din hija talba li kiteb li tista’ forsi tgħinna lkoll fiż-żminijiet diffiċli tagħna:

O Alla, int li dak li min idur minnek jaqa’,

dak li min jdur lejk iqum,

dak li min joqgħod miegħek jibqa’ sod għal dejjem;

agħtina fid-doveri kollha tagħna l-għajnuna tiegħek,

fil-dubji kollha tagħna l-gwida tiegħek,

fil-perikli kollha tagħna l-protezzjoni tiegħek,

u fid-dulur tagħna l-paċi tagħek, permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna, Amen.– Santu Wistin, 354-430, Solilokwi, 1,1.2-4

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 5:13-16)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minnan Mattew (Mt 5:13-16)
    ii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iii. Computer/laptop bil-qari u clips
  4. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  5. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

F’din is-silta tal-Evanġelju, Ġesù jqabbel lil dawk kollha li jimxu warajh mal-“melħ tal-art”.

  • Se nitgħallmu kif nistgħu nkunu “l-melħ għall-art” kif iridna nkunu Ġesù.
  • Marker tal-Whiteboard
  • Whiteboard

Tiftakar l-aħħar party f’għeluq sninek? Kellek xi xemgħat biex tixgħel il-kejk? Dawk ix-xemgħat tant jistgħu jiddu li jistgħu jixgħelu l-kamra kollha! U l-ħaġa sabiha hi li, waqt il-party, nistgħu naqsmu d-dawl ta’ dawk ix-xemgħat mal-ħbieb u l-familja tagħna kollha!

B’mod simili, Alla jsejħilna biex inkunu d-dawl. Xi jfisser dan? Dan ifisser li Alla jridna ngħidu lin-nies kollha dwaru u naqsmu l-grazzja tiegħu ma’ ħaddieħor. Fis-silta Biblika ta’ din il-ġimgħa, Ġesù jgħidilna biex inħallu d-dawl tagħna jiddi biex aktar nies ikunu jistgħu jesperjenzaw id-dawl kbir ta’ Ġesu. Li nħallu d-dawl tagħna jiddi jfisser li ngħixu t-tip ta’ ħajja li għex Ġesù. Dan id-“dawl” ma jiġix mill-qawwa tagħna stess; għax aħna m’aħniex imsejħin biex niddu d-dawl tagħna stess iżda aħna msejħin biex nirriflettu d-dawl Tiegħu!

Il-mistoqsija hi: kif nistgħu nibqgħu “mixgħula” bħal dik ix-xemgħa ferrieħa ta’ għeluq sninna, biex nirriflettu d-dawl Tiegħu? Nistgħu naqraw il-Bibbja. Nistgħu nqattgħu ħin ma’ Ġesù billi nitolbu jew billi nkunu fis-skiet. Nistgħu niddiskutu lil Ġesù mal-familja u l-ħbieb tagħna. Nistgħu naraw filmati dwaru. Nistgħu naqsmu r-rigali tagħna u nkunu eżempju tajjeb għal ħutna u ħbiebna kollha.

Apparti min hekk, f’din is-silta, Ġesù jqabbilna wkoll mal-melħ. Il-melħ jista’ jbiddel l-affarijiet għall-aħjar jew għall-agħar, u jagħmel differenza tremenda! Bħala Kristjani, Ġesu irid li jkollna impatt fuq nies oħra, billi ngħinuhom jikbru u nbiddlu d-dinja għall-aħjar!

Inroddu s-Salib

Għażiż Missier, grazzi talli ħallejtna nkunu l-melħ u d-dawl tiegħek għad-dinja. Nitolbuk tgħinna nxerrdu l-imħabba tiegħek mal-art kollha. Għinna nirriflettu d-dawl tiegħek u nkunu xemgħa anke fl-iktar żminijiet mudlama tal-ħajja.

Ammen.

Fis-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa, Ġesù jagħtina missjoni speċifika – jitlobna biex inkunu l-“melħ tal-art”.

  • Xi jfisser li tkun melħ tad-dinja – u kif nistgħu nsiru dan.
  • Marker tal-Whiteboard
  • Whiteboard

Meta kont żgħira, ma kontx naf x’kien ifisser li jkollok relazzjoni m’Alla permezz taʼ Ġesù.

Għalkemm il-ġenituri tiegħi kienu dixxipli ta’ Ġesù, l-unika espożizzjoni li kelli għal Alla kienet li-skola tal-Knisja li kont nattendi u l-Katekiżmu (i.e. ħossok liberu/a biex tadatta skont iċ-ċirkustanza tiegħek).

Rajt ir-reliġjon tagġna bħala reliġjon mimlija regoli u ritwali antiki. Ma kontx nista nirrelata ma’ dan kollu.

Meta għalaqt 19-il sena, bdejt infittex lil Alla. Kelli ħabib/a fil-kulleġġ li kien reċentement skopra lil Ġesù. Innutajt xi ħaġa differenti dwaru. Xi ħaġa kienet inbidlet, imma ma kontx naf xiex. Bdejt noħroġ magħhom aktar spiss. Din il-persuna introduċietni għal grupp ta’ ħbieb ġodda, li kienu kollha nsara. Xi wħud kienu żgħażagħ, xi wħud miżżewġin bi tfal, u xi wħud kienu anzjani.

Rajt xi ħaġa unika f’dawn in-nies kollha. Kienu jippruvaw jaqdu nies oħra b’mod onest. Kienu jħeġġu lil xulxin. Il-koppji miżżewġin kienu donnhom iħobbu lil xulxin ġenwinament. Aċċettawni kif kont, għax f’dak iż-żmien kelli ħafna problemi personali (għadni nikber f’dan!).

Ilkoll għandna l-istorja tagħna ta’ kif bdejna nimxu wara Ġesù. Din hi tiegħi. Tiegħek hi probabbilment differenti, jew forsi le.

Ir-raġuni għaliex qed ngħid dan kollu (u nispera li ma raqqadtkomx) hija minħabba dak li jgħidilna Ġesù fis-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa! Din il-ġimgħa, Ġesù jgħidilna li għandna bżonn inkunu l-“melħ tal-art”. Hu juża din il-metafora għal raġuni. Ovvjament, Ġesù qed jikkumplimentana! Imma apparti dan, Ġesù qed jagħti missjoni! Irridu nistaqsu lilna nfusna, x’jagħmel il-melħ? Jagħti togħma! Issa, bħall-melħ, aħna msejħin biex nagħtu t-togħma lill-ħajja tal-oħrajn! Hekk kienu għamluli n-nies li kont iltqajt magħhom. Minħabba r-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù, setgħu jispirawni u jagħtu aktar ferħ lil ħajti. Dawn in-nies setgħu jagħmlu dan għax kienu dixxipli ta’ Ġesù – u intom imsejħin tagħmlu l-istess!

Ejja ngħidu talba żgħira sabiex Ġesù jgħinna f’din il-missjoni importanti.

Inroddu s-salib

Għażiż Missier, nitolbuk biex tgħinna nifhmu aħjar kif nistgħu nkunu “melħ” għall-art u għall-ħajja tal-oħrajn. Ilkoll għandna missjoni unika li permezz tagħha nistgħu nikbru u ngħinu lill-oħrajn. Tassew nitolbuk biex inti tgħinna niskopru min tridna nkunu – sabiex niddu d-dawl tiegħek kullimkien!

Amen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.