Naqraw

Ġwanni 12, 1-11 

1Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. 2Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù. 3Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxuttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ. 4Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: 5“Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?” 6Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu. 7Qallu Ġesù: “Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. 8Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni.”

9Kotra kbira ta’ Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. 10Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, 11għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.

Nitolbu

Għażiż Alla, agħtini l-qawwa u l-kuraġġ biex ma nibżax ngħid li jiena nimxi wara Ġesù. Għinni biex insir aktar bħalek. Ammen. 

Ngħixu

Bdejna l-Ġimgħa Mqaddsa, li twassalna għall-akbar festa, l-Għid il-Kbir. 

Matul din il-ġimgħa se nippruvaw niffukaw aktar fuq it-tliet prattiċi li huma importanti fil-ħajja tagħna: it-talb, is-sawm (sagrifiċċju) u l-karità (nagħtu). Nippruvaw li mmorru l-knisja kuljum u nattendu għaċ-ċelebrazzjonijiet tat-Tridu tal-Għid. 

Illum insumu milli nixtru xi ħaġa għalina u l-flus nagħtuhom għall-karita. 

Attività