Naqraw

Mattew 5, 1-13  

1Kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. 2Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

3“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

4Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.

5Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

6Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.

7Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.

8Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.

9Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.

10Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

11Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.

12Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom.”

Nitolbu

Għażiż Alla, grazzi tal-Beatitudnijiet. Għinni biex nimxi fuq it-tagħlim tiegħek biex inkun hieni meta nħobb lil dawk li ma tantx juruni mħabba u b’hekk ikunu jafu li jien dixxiplu tiegħek. Ammen.  

Ngħixu

L-ewwel beatitudni tgħid, “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” Ġesù jrid li nkunu umli u ma nagħtux importanza żejda lill-affarijiet materjali. Ġesù jixtieq li napprezzaw dak li għandna u mhux dejjem nixtiequ u nistaqsu għal aktar. 

Illum nirringrazzjaw lil Alla għal dak kollu li għandna u llum ma nistaqsu lil ħadd biex jixtrielna xi ħaġa li ma għandix bżonn. 

Attività