Id-dnub

L-Ewwel Ħadd tar-Randan Matul is-Sena A

Fis-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa, insibu li s-suġġett huwa t-tentazzjoni. Naturalment, hemm ħafna tipi ta’ tentazzjonijiet – kull wieħed minna jiġi ittentat biex jidneb, kważi kuljum (jekk mhux kull siegħa). Imma hemm xi ħaġa differenti fis-silta ta’ din il-ġimgħa. Hawnhekk, insibu lil Ġesù fil-bidu tal-ministeru Tiegħu u narawh  kkonfrontat mix-xitan bil-qawwa kollha tiegħu. Imma hawn, b’differenza minna, Ġesù ma jidnibx. Ħafna kittieba tal-Bibbja raw parallel bejn din it-tentazzjoni u l-ewwel tentazzjoni ta’ Adam u Eva. Il-Bibbja, fil-fatt, tirreferi għal Ġesù bħala t-tieni Adam, il-kap ta’ “razza” l-ġdida ta’ nies imwielda fil-familja t’Alla.

Ejja għal ftit mumenti naħsbu dwar paralleli u kuntrasti bejn dawn iż-żewġ tentazzjonijiet; l-ewwel dik li tefgħet lil umani fid-dnub, u t-tieni dik li bdiet it-triq lura lejn is-salvazzjoni bir-rebħa fuq id-dnub. 

Xi paralleli huma dawn li ġejjin. Per eżempju, fil-Ġenesi, Adam u Eva kienu fi ġnien b-ikel li setgħu jieklu; filwaqt li, f’Mattew, Ġesù jinsab f’deżert fejn ilu jsum erbgħin jum. Fil-Ġenesi, it-tentazzjoni kienet li tiekol; u fid-deżert, it-tentazzjonijiet ta’ Ġesù bdew bl-ikel. Fil-Ġenesi, it-tentazzjoni kienet li tkun bħal Alla billi ma tobdix lil Alla; f’Mattew, l-appell lil Ġesù kien li jkun sultan, iżda mingħajr ma jobdi lil Alla. Fil-Ġenesi, wara li Adam u Eva dinbu, l-anġli żammewhom l-bogħod mis-siġra tal-ħajja; f’Mattew, wara li Ġesù keċċa lix-xitan, ġew l-anġli u haduh.

Għalhekk b’din l-istorja f’moħħna, nistgħu nħarsu lejn din is-silta b’aktar dettall. F’din is-silta, nsibu li Ġesù kien ilu jsawm erbgħin jum u erbgħin lejl, u li kien bil-ġuħ. M’hemm l-ebda raġuni biex niddubutaw li kien erbgħin jum u erbgħin lejl kif jgħid it-test; imma “erbgħin” huwa ukoll numru komuni fil-Bibbja li jirreferi ghal perjodi taʼ diffikultà jew tbatija. Issa hawnhekk ejjew nistaqsu; għaliex huwa daqshekk importanti is-sawm? Ġesù għala abbanduna l-​ikel u x-​xorb għal żmien daqshekk twil?

Ejja niftakru fil-ktieb tad-Dewteronomju. Fih insibu l-frażi: “il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”. Jekk immorru lura u naqraw Dewteronomju 8, naraw ukoll li l-Iżraelin damu bil-ġuħ fid-deżert għal erbgħin sena. Alla ttestjahom fid-deżert sabiex jitgħallmu jobdu dak li joħroġ minn fomm Alla. Tahom il-Manna; imma biex jiksbuha u jgawduha kellhom bżonn isegwu l-istruzzjonijiet t’Alla bir-reqqa. Il-punt ewlieni kien; li kieku jobdu lill-Mulej, Hu kien jipprovdilhom l-ikel. U għalhekk, kien iktar importanti li jobdu lil Alla milli jkollhom l-ikel kollu li setgħu jieklu (i.e., ftakru li Adam u Eva għażlu li jieklu, milli jobdu l-kelma t’Alla).B’dan kollu, nistgħu naraw li Ġesù setaʼ jegħleb lil ħazen għax kien jaf il-kelma t’Alla sew. Dan jiddeskrivi l-importanza li nkunu nafu l-iskrittura sew! Barra minn hekk, naraw ukoll li m’hemm l’ebda tentazzjoni li hi trivjali. Li tiekol mis-siġra fil-Ġnien? – b’daqsekk, ħaġa daqshekk żgħira (naħsbu). Li nibdlu l-ġebel f’ħobż? – ma tidhirx li tagħmel ħsara. Imma kull tentazzjoni, fil-każ ta’ Ġesù, kienet qed  tqanqal lil Ġesù biex imur kontra r-rieda ta’ Alla. U meta xi ħadd jagħżel li jaġixxi kuntrarju għal dak li jrid Alla, dik il-persuna tagħżel il-mewt. Ix-xitan kien jafu dan. Ħafna drabi aħna ma nafuhx; spiss naħsbu li xi ħaġa żgħira (minkejja li tkun ħazina) tista’ tiġi razzjonalizzata faċilment, minkejja li nkunu nafu li dan mhux dak li jrid Alla. U, f’ċertu sens, dan huwa wkoll għaliex is-sawm huwa importanti. Għax is-sawm jista’ jgħinna naraw l-affarijiet b’mod aktar ċar. Jistaʼ jgħinna nkunu l-liberati minn dawk l-​affarijiet li qed jieħdu prominenza ħajjitna u b’hekk qed jimblukkaw il-​vuċi ta’ mħabba u ta’ fejqan t’Alla!

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 4:1-11)

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla’”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: ‘Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek’”.

Għal darb’oħra x-Xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi’”.

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Fis-silta hawn fuq, spjegajna li m’hemm l-ebda tentazzjoni trivjali. Tentazzjoni hija kull ħaġa li għandha l-potenzjal li ġġegħelna nisfidaw dak li jrid Alla minna. Ġesù kien ittantat bi tlett modi differenti fid-deżert – fil-ħajja tagħna ħafna drabi aħna wkoll niġu tentati, kultant bl-“istess” tentazzjonijiet. Ħu mument biex taħseb dwar dak li l-aktar tħossok ittantat minnu.
  4. Fid-dawl tal-mistoqsija t’hawn fuq, ħu ftit ħin biex tirrifletti aktar dwar kif tista’ tevita li taqa’ f’ċerti tentazzjonijiet. Ħu mument biex itlob lil Alla biex jeħlisek minn ċerti tendenzi midinba u jiftħek aktar għall-imħabba u s-sbuħija tiegħu!
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (Mt 4:1-11)
    ii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iii. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Din il-ġimgħa nibdew il-Vjaġġ tagħna tar-Randan! Hawnhekk, Ġesù jkellimna dwar l-importanza tas-sawm u biex qatt ma ninsew l-imħabba u l-fedeltà Tiegħu.

  • L-importanza li nippruvaw inżommu lil Ġesù dejjem f’moħħna u f’qalbna – f’kull attività tagħna fil-ħajja. Dan kollu jbegħdna mid-dnub u jagħmilna persuni ħielsa.
  • Whiteboard
  • Whiteboard Marker

Min kien l-ewwel persuna/i li qatt qarraq bih/a/hom ix-Xitan? X’kien ġara?  

Fakkar lit-tfal li meta dineb Adam ġab il-mewt fid-dinja. Hu għamel lil ulied Adam kollha (jiġifieri aħna) ikunu għedewwa ta’ Alla. Imma Alla bagħat lil Ġesù biex isalva l-midinbin kollha. Għalhekk ix-xitan kien qed jipprova jqarraq b’Ġesù aktar minn ħaddieħor!

Aqra Mattew 4:1-11. (Aqra b’emozzjoni u ieqaf spiss). Fakkar lit-tfal li Ġesù kien jaf il-missjoni speċjali tiegħu li jmut fuq is-salib. Imma li kieku Ġesù waqa’ fid-dnub ma setax isalvana! Għalhekk, Ġesù dejjem kellu jobdi lil Alla. Hawnhekk enfasizza t-tliet ‘tricks’ li esperjenza Ġesù:

Biex ibiddel il-gebel għall-ħobż – i.e., biex ma jafdax f’Alla.

Biex jaqbeż mit-Tempju – biex isir famuż.

Biex jikseb ir-renji kollha billi jadura l-ħażen – biex jikseb il-poter.

It-tfal għandhom jirrepetu lura t-tliet punti li enfasizzajt. Għid, “din l-istorja turina kif Ġesù uża l-għerf tiegħu biex jiġġieled kontra ‘t-tricks’ tal-ħażen.

Attività 2: Qabbel

Qabbel it-tweġiba ta’ Ġesù mat-tentazzjoni t-tajba. Aqra t-tweġiba li ta Ġesù u ghin lit-tfal jiftakru liema trick kien qed jiġġieled.

Għandek tadura lill-Mulej Alla tiegħek u lilu biss taqdi. #3

M’għandekx tpoġġi lill-Mulej Alla tiegħek għall-prova. #2

Il-bniedem m’għandux jgħix bil-ħobż biss, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla. #1

Test: Staqsi lit-tfal biex iqumu jekk it-tricks li ġejjin kienu dawk li Ġesù kellu jiġġieled fl-istorja. Jekk mhux ‘tricks’ mill-istorja għid lit-tfal jibqghu bilqeghda.

Dawwar dawn il-ġebel f’ħobż.

Dawwar dan l-ilma f’inbid.

Aqbeż mit-tempju.

Tobdix lill-ġenituri tiegħek.

Ikseb is-​setgħa fuq is-​saltniet kollha billi tadura lix-​Xitan.

Staqsi lit-tfal biex jaħsbu dwar xi tricks li x-Xitan jista’ juża fuq nies li jafu.

Kif jistgħu jiġġieldu kontra dawn it-tricks? 

Ħu mument biex tirrifletti/u fuq dan, imbagħad itlobu.

Inroddu s-salib

Kif nitgħallmu nagħmlu lil Alla n-numru “1” f’ħajjitna, inkunu kapaċi nafu naqsmu l-abbundanza, il-maħfra, u l-imħabba t’Alla ma l-oħrajn aktar– bħalma għamel Ġesù. 

Għażiż Ġesù, għinna npoġġuk l-ewwel f’ħajjitna, sabiex inkunu nistgħu naqsmu l-imħabba tiegħek ma’ ħaddieħor, bħalma għamilt int. Għinna nikbru aktar dan ir-Randan. Għinna nikbru aktar qrib tiegħek!

Amen.

Is-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa tispjega l-40 jum li Ġesù qatta’ fid-deżert.

  • Li Ġesù sawm biex jipprepara għall-ministeru tiegħu u biex jikber u jifhem aħjar ir-Rieda t’Alla.

• Marker tal-Whiteboard

• Whiteboard

Ibda s-sessjoni b’eżempji ta’ oġġetti projbiti… pereżempju, ġib kaxxa mimlija doughnuts, u poġġiha fiċ-ċentru tal-grupp. L-ewwel, għid lill-istudenti biex jagħmlu x’jagħmlu, ma jħarsux lejn il-kaxxa. Taħsbux u titkellmux dwarha. Umbad ibda iddiskuti r-Randan u r-raġunijiet li niċċelebrawh. Tul id-diskussjoni, agħti ħarsa lura lejn il-kaxxa jew imxi ħdejha, ​​imma kkoreġi lil kull min iħares lejha. Imbagħad fl-aħħar, għid lill-istudenti li jistgħu jħarsu fiha, iżda ma jistgħux imissu dak li hemm ġewwa. Halli lit-tfal ibatu ftit mit-tentazzjoni qabel ma tħallihom iduqu doughnut (jew forsi stenna sa tmiem il-lezzjoni…). Spjega li l-lezzjoni tal-lum hija dwar it-tentazzjoni ta’ Ġesù, li essenzjalment hija dik li nfakkru meta niċċelebraw ir-Randan.

Matul is-sena liturġika, nonoraw u niċċelebraw żminijiet differenti tal-ħajja ta’ Ġesù. Fil-Milied, niċċelebraw għeluq sninu. L-Għid jiċċelebra l-qawmien Tiegħu. U hekk kif inħejju għall-Għid, nosservaw żmien ta’ riflessjoni matul l-istaġun tar-Randan. Matul ir-Randan nistgħu neżaminaw lilna nfusna u nikkunsidraw x’għamel Ġesù għalina, kif bata u ssagrifika.

F’dan id-dawl, huwa importanti għalina li ninnotaw li Ġesù ġie mmexxi fid-deżert (i.e., imma hu ma waqax fit-tentazzjoni). Tabilħaqq, u ma kienx inċident li Ġesù mar fid-deżert. Wara l-magħmudija Tiegħu, l-Ispirtu mexxa lil Ġesù f’perjodu ta’ prova (biex Ġesù iħejji għall-missjoni tiegħu). Din id-darba bl-ebda mod ma kienet faċli għal Ġesù bħala bniedem, imma kienet prova tal-għaqda Tiegħu mal-Missier u konferma li seta’ jirbah lid-dnub.

Ċertament mhix ċajta li hekk kif l-Ispirtu s-Santu huwa preżenti, ix-xitan huwa ukoll u jagħmel minn kollox biex jeqred il-pjan t’Alla f’ħajjitna. Huwa jagħmel dan parzjalment billi jittanta lin-​nies t’Alla biex jidinbu. Hekk għamel, pereżempju, fil-Ġnien tal-Għeden u rnexxielu. Ma’ Ġesù, madankollu, għandna opportunità għal storja ġdida! Adam u Eva kellhom dak kollu li setgħu jitolbu u madankollu b’xi mod ma kienx biżżejjed. Inħolqu biex ikunu perfetti iżda waqgħu għall-idea li b’xi mod jistgħu jkunu Alla. Huma dinbu u qerdu opportunità għal komunjoni sħiħa m’Alla. Min-naħa l-oħra, Ġesù ukoll twieled perfett, bla ħtija. Hu kien, fil-​fatt, Alla, u ġie fuq l-​art sabiex ineħħi l-​effetti tad-dnub min fuqna. Fid-​deżert, naraw lil Ġesù nieqes minn dak kollu li l-​bniedem għandu bżonn biex jgħix, iżda b’suċċess hu jissaporti u jirreżisti l-​attakki tad-dnub, bil-grazzja ta’ missieru!

Għalkemm f’ħajjitna d-​dnub kultant jistaʼ jidher diffiċli biex jiġi miċħud u megħlub, ejja nżommu f’moħħna li Ġesù għamel l-​ewwel u l-ikbar test. Hu jaf u jifhem, u hu lest jgħinna kull meta jkollna bżonnu. U peress li Ġesù għeleb it-​tentazzjoni, nistgħu nieħdu faraġ anki meta nonqsu. Għax bil-grazzja u l-għajnuna tiegħu, aħna wkoll nistgħu nikbru f’persuni aktar qaddisa.

Aħna wkoll nistgħu nikbru fl-imħabba u fis-sbuħija, u nkunu ħielsa minn kull dnub. Dan huwa dak li għandna nippruvaw nagħmlu aktar matul ir-Randan.

Mistoqsijiet:

  • Għala huwa importanti li Ġesù kien ittantat?

Ġesù ġie biex jirranġa dak li jħawdu l-bnedmin. Hu ma ċediex u allura jistaʼ jipprovdilna mod kif noħorġu mill-​jasar tat-​tentazzjoni.

  • X’tip ta’ affarijiet qed jittantawna lilna?

Kburija, vanità, ambizzjoni egoista, pjaċiri tad-dinja, suċċess, distrazzjoni, nuqqas ta’ talb… il-lista tkompli.

  • It-tentazzjoni hija dnub? Meta ssir waħda? 

It-tentazzjoni nnifisha mhix dnub, peress li nafu li Ġesù ma donibx u madankollu kien ittantat. Meta nagħmlu l-għażla li naġixxu fuq it-tentazzjoni, hemmek it-tentazzjoni titwettaq u ssir dnub.

  • Meta ħassejt li kont f’perjodu ta’ “deżert”? Alla kif ggwidak? 

It-tweġibiet jistgħu jvarjaw skont l-esperjenza personali. L-enfasi għandha tindika l-abbiltà t’Alla li jsostnina hekk kif aħna nafdaw fl-imħabba u l-qawwa tiegħu.

Għid: Din il-ġimgħa, minflok tikkonċentra fuq dak li trid tiċħad, identifika xi ħaġa (jew xi affarijiet) li tista’ żżid mal-ħajja spiritwali tiegħek.

Inroddu s-salib

Għażiż Missier, nitolbu li tista’ tgħinna nikkultivaw il-kapaċità (….) tagħna li (i.e., pereżempju, li nħobbu, li nkunu paċenzjużi, li nitgħallmu, eċċ.). Nitolbu, għażiż Missier, biex tgħinna naraw ir-Randan bħala perjodu ta’ tkabbir u ta’ fejqan. Għinna nkunu aktar bħal Ġesù – għinna nħobbuk u lil oħrajn aktar! 

Amen. 

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.